Appell għall-kalma hekk kif ACE tgħid li qed jitkeċċew ħaddiema mill-qasam tal-catering

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) appellat għall-kalma hekk kif sostniet illi negozji qed ikeċċu lill-ħaddiema

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) appellat għall-kalma hekk kif sostniet illi negozji qed ikeċċu lill-ħaddiema minħabba l-impatt ekonomiku tal-Covid-19. 

ACE qalet illi fid-dawl ta' dawn it-tkeċċijiet tappella biex ma jitteħdux deċiżjonijiet mgħaġġlin.  "Sfortunatament uħud qed ikollhom reazzjonijiet immedjati.  Aħna nitolbu biex id-deċiżjonijiet ikunu infurmati għall-ġid tan-negozji, ix-xogħol u l-ekonomija."

ACE qalet illi għalkemm il-Gvern ħareġ struzzjonijiet biex ristoranti u barijiet jgħalqu, ħafna stabbilimenti kienu diġa' għamlu dan hekk kif il-bejgħ kien diġa' naqas b'mod drastiku. 

L-assoċjazzjoni qalet li l-Gvern għandu jieħu miżuri addizzjonali.  L-ewwelnett jittrasforma skemi diġa' eżistenti biex ikunu salvati l-impjiegi.  It-tieni; li jintuża l-Fond tal-Maternità biex jingħataw l-għajnuna ġenituri li qed iżommu lill-uliedhom id-dar.

ACE qed tipproponi wkoll li l-Gvern jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa lil dawk is-sidien li jnaqqsu l-kirjiet b'minn tal-inqas 50% fil-każ ta' stabbilimenti u 75% fil-każ ta' residenzi.

 

 

More in Politika