'Għalfejn qed tbeżża' bil-lockdown meta xorta se jkollna nagħmluh?' Delia lill-PM

Adrian Delia jgħid li l-konsegwenzi ta' lockdown mhumiex ħżiena daqs iktar it-tixrid tal-Covid-19

Adrian Delia, Kap tal-Partit Nazzjonalista
Adrian Delia, Kap tal-Partit Nazzjonalista

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia reġa sostna illi jekk isir lockdown ma jibqgħux jiżdiedu l-każi.  "Għalfejn qed tbeżża' bil-lockdown jekk dan xorta se jkollna nagħmluh?" staqsa Delia.  "Vera li hemm il-konsegwenzi, imma l-konsegwenzi tat-tixrid tal-mard huwa agħar." 

Adrian Delia qal illi "l-Oppożizzjoni mill-ewwel ħadet pożizzjoni ċara li f'dan il-każ m'hawnx politika partiġġjana.  Sfortunatament il-Gvern lanqas biss aċċetta li niddiksutu fil-Parlament is-sitwazzjoni fil-pajjiż.  Nibqa' nżomm ma' din il-pożizzjoni," qal Delia li żied jgħid illi l-Parlament Malti huwa l-unika wieħed fid-dinja li ma ddiskutiex din il-problema u l-isfida u kif se jingħaqdu flimkien il-forzi kollha kontra l-Covid-19.

Reġa' fakkar fil-bżonn li tingħata għajnuna lill-anzjani kollha u l-għajnuna lill-infermiera.  

Il-Kap tal-PN qal li huwa importanti li jkunu salvagwardjati t-tfal u sostna illi l-Gvern jeħtieġ jispjega illi dawn ma jitħalltux fil-postijiet tal-ikel u fil-playgrounds. "Lill-anzjani inwasslulhom l-ikel fid-djar tagħhom, il-ħaddiema tal-Gvern - la hemm it-teknoloġija -  jistgħu jaħdmu kollha d-dar fis-serħan il-moħħ." 

Huwa għamel referenza għall-miżuri li ħabbar il-Gvern u saħaq illi dawn mhumiex immirati għall-kumpaniji żgħar li jħaddmu ftit nies.  "Tkeċċew mijiet ta' nies diġa' mill-impjieg tagħhom ... u hawn Malta l-Ministri jiftaħru b'pakketti li huma għamad."

More in Politika