Trab, stobju, bini u issa mewt ... lobbyist eċċezzjonali ta' settur kontroversjali

Sandro Chetcuti ilu f'nofs l-għajn tal-kontroversja u miegħu, naturalment is-settur tal-kostruzzjoni. Imma vera joħloq tant ġid? U għaliex hemm relazzjoni intima bejn il-politika u l-kostruzzjoni? Qed inwaħħlu wisq f'Chetcuti?

Sandro Chetcuti jibqa' karattru omnipreżenti, influwenti, maħbub fost dawk li jirrappreżenta imma li attira ħafna kritika u antipatija minn sezzjonijiet sħaħ tal-poplu, anke ammiraturi tal-Gvern.

Chetcuti huwa riflessjoni tal-politika llum u tar-rabta reċiproka, bżonjuża u perikoluża ta' bejn il-politiku u l-kuntrattur. Illum u fl-aħħar deċenji l-industrija tal-kostruzzjoni ħadet dejjem post aktar ċentrali f'ekonomija bla riżorsi - għajr in-nies u l-ġebla. 

Fl-aħħar jiem, naturalment, l-industrija u Chetcuti b'mod speċjali intefgħu f'dawl mill-aktar ikrah, wara kullana ta' inċidenti li wasslu biex dan tal-aħħar ikun fatali. 

Imma vera li għandna tant bżonnha l-industrija tal-kostruzzjoni?  Vera li hija daqstant kruċjali?

Kemm qed nagħmlu flus mill-kostruzzjoni?

 Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn l-aħħar tliet snin f'termini ta' Prodott Gross Domestiku biex b'hekk noħolqu l-istampa kollha, bejn it-trabijiet, storbju, inkovenjent, inċidenti u issa anke mewt li ħolqot din l-industrija u dak li qed tħalli fil-but tal-pajjiż. 

Għall-fini ta' dan l-eżerċizzju se nagħtu ħarsa lejn żewġ setturi: il-kostruzzjoni u anke l-proprjetà li fil-verità huma interrelatati u li jeħtieġu lil xulxin b'mod dirett.  

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, fl-2017 il-kostruzzjoni ġġenerat €364.3 miljun fl-ekonomija, fl-2018 €393 miljun u fl-2019 €448 miljun. Dan ifisser li l-ġid li ħolqot din l-industrija żdied b'€84 miljun fi tliet snin. 

Is-settur tal-bejgħ u xiri ta' proprjetà huwa ikbar, hekk kif fl-2017 iġġenera €466 miljun - iktar mill-2019 għall-kostruzzjoni - fl-2018 iġġenera €514 miljun u fl-2019 €551 miljun.  Dan ifisser żieda ta' €85 miljun f'ġid fl-ekonomija Maltija. 

Dan ifisser li fl-2019 dawn is-setturi ħolqu kważi €1 biljun ta' ġid li mar għall-ekonomija Maltija. 

Inqabblu dan l-ammont ma' dak ta' setturi oħrajn: Fl-2019 is-settur finanzjarju li allura jinkludi l-banek, iġġenera €657 miljun u s-settur tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija ħoloq €786.6 miljuni. 

Naturalment mal-kostruzzjoni u l-proprjetà hemm elenku sħiħ ta' ħaddiema u servizzi anċillari marbutin. Primarjament dawn huma: elettriku/dawl, madum, tal-għamara, bajjada, kumpaniji ta' appliances, trasportazzjoni u aktar.

Għaliex reċiproka?

Ir-relazzjoni bejn il-politiku u l-lobby tal-kostruzzjoni u l-aġenziji tal-proprjetà hija partikolai għaliex kuntrarjament għal oħrajn bħal tal-kaċċa - hija affari reċiproka u dipendenti. 

Fis-sens, kuntrattur jeħtieġ a) lill-Gvern joħloq proġetti biex allura joħloq xogħol lill-kuntratturi u b) Awtorità tal-Ippjanar li kemm jista' jkun tiffaċilita l-ħruġ ta' permessi tal-Gvern u finalment ċ) Gvern li għandu viżjoni li tinkludi l-ewwel żewġ punti. 

Min-naħa l-oħra l-Gvern ma jistax joqtol settur li qed iħalli ħafna flus fil-bwiet tal-investituri li qed idawrulek din ir-rota ekonomika. Dan apparti li kif għidna daħħal biljun fil-kaxxa ta' Malta.

Apparti dan kollu tibqa' teżisti f'univers xi ftit jew wisq vag, id-dinja tal-għoti tal-finanzi/rigali mid-dinja tan-negozju lill-partiti. 

Minkejja li dan l-operat jibqa' oġġett ta' misteru, mhux xi sigriet li l-partiti jsibu ħafna appoġġ finanzjarju minn kuntratturi u żviluppaturi kbar. 

Imbagħad ġiet l-MDA U Sandro Chetcuti

Ta' min wieħed jiftakar li qabel l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) ma kienx hemm għaqda li tiġbor fiha lill-kuntratturi u li allura torganizza l-interessi tal-kuntratturi u żviluppaturi. Bla dubju l-membri tal-MDA huma kuntenti ħafna b'Chetcuti hekk kif daqs qatt qabel, il-vuċi tagħhom qed tasal. 

Din hija xi ħaġa leġittima u wieħed jifhem li l-lobbying hekk isir. 

Il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat fil-fatt kif Chetcuti ried jitlaq imma ħafna mill-membri ma xtaqux dan. U mhux ta’ b'xejn!  B'Sandro fit-tmun kien verament l-aqwa żmien għal ħafna żviluppaturi!

Iqum l-iljun aħdar!

Il-protesti ambjentali qatt ma naqsu tul is-snin, biżżejjed niftakru dawk dwar il-binja tal-Hilton lura taħt Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant jew dik kontra r-razzjonalizzazzjoni taż-żoni ta' żviluppi taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi. 

Imma f'dawn l-aħħar snin kien hemm elenku ta' protesti kważi ma jaqtgħu xejn dwar l-ambjent. 

L-ewwel protesta kbira kienet dik kontra l-iżvilupp propost u għoti tal-art taż-Żonqor f'Wied il-Għajn lil Sadeen, li jmexxu l-Università Amerikana ta' Malta. 

Fuq din il-kwistjoni bdiet tqum ħafna oppożizzjoni mill-eks Deputata Laburista Marlene Farrugia. 

Matul is-snin saru diversi protesti fil-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar kontra l-fatt li bdew jingħataw permessi għall-pompi tal-petrol, b'waħda minnhom tispiċċa f'kontroversja qalila hekk kif il-pulizija dehru jużaw forza eċċessiva kontra dawk preżenti. 

Saru protesti kontra l-iżvilupp massiċċ tad-Db fil-Bajja ta' San Ġorġ u l-art tal-Corinthia, kif ukoll saru protesti f'Gwardamangia wara li waqgħu djar hemmhekk. 

Saru wkoll protesti dwar l-aċċess f'Manoel Island. 

U lbieraħ saret protesta mill-Moviment Graffitti wara l-mewt ta' mara. 

Dan juri li l-lobby tal-ambjent, minkejja li jibqa' ineffettiv f'elezzjonijiet qed jikber fil-forza ta' pressjoni fuq il-politiċi u forza li qed twassal ħafna aħjar il-messaġġ u tqajjem  ħafna aktar il-kuxjenza dwar l-ambjent u l-limitazzjonijiet fl-art li għandna. 

Naturalment mal-medda ta' żmien allura Sandro Chetcuti spiċċa f'nofs l-għajn tal-kritika. 

Aktar kemm sezzjonijiet ta' nies ħassew li qed tiżdied l-art mibnija, aktar saret qalila l-kritika għal Chetcuti. 

Sandro l-ħaruf tas-sagrifiċċju?

Imma Sandro l-ħaruf u qed jiġi kkritikat b’mod inġust? 

L-ewwel u qabel kollox Chetcuti huwa l-wiċċ tal-lobby u allura kull darba li jkun hemm rabja palpabbli bħalma kien hawn matul din il-ġimgħa jeħel ma’ kulħadd hu, inizzjalment. 

Numru ta’ stqarrijiet li għamel dejjem bħal donnu jibqgħu jiġru warajh, bħal pereżempju meta qal li l-kostruzzjoni hija t-tiġieġa li tbid il-bajd tad-deheb jew meta qal li kemm il-PL u anke l-PN rieduh joħroġ għall-elezzjoni. 

Lanqas laħqet għaddiet kwarta minn meta tħabbret il-mewt ta’ Pace li ma kinitx qed iddur karikatura ta’ wieħed mill-karikaturisti ewlenin ta’ pajjiżna li turih b’idejh imċappsin bid-demm. Din kienet indikazzjoni ċara li hu se jerġa’ jieħu t-tort inizzjali, li din id-darba kien ġustament qalil għax mietet persuna. 

Jiġifieri jinħass li r-rabja hija ġġustifikata. 

Li mhux huwa li l-kritika lejn il-politiku fost il-pubbliku ma jinħassx li hija ugwali ma’ dik lejn Chetcuti. 

Wieħed ma jistax jinsa illi Chetcuti huwa prodott tal-politiku li kabbru, tah il-poter u akkomodah. Kieku ma kienx għall-politiku li nefaħlu r-riħ fil-poppa, żgur ma kienx jikber daqs kemm kiber. 

Wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li Chetcuti huwa lobbyist tajjeb ħafna għal settur li joħloq ħafna wġigħ ta’ ras.

More in Politika