Malta b'żewġ każijiet oħra ta' coronavirus; Iż-żewġ pazjenti marru x-xogħol meta kienu bis-sintomi

Bħalissa qed isiru kuntatt mal-kumpanija privata li magħha jaħdem il-pazjent

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci kkonfermat li Malta għandna żewġ każijiet oħra ta' coronavirus. Dan ifisser li issa f'Malta hawn disgħa pazjenti bil-coronavirus.

Bħal fil-każijiet l-oħra kollha li sa issa ġew ikkonfermati f'Malta, dawn ġew importati minn barra mill-pajjiż u għalhekk ma kien hemm l-ebda trażmissjoni lokali tal-Covid-19.

L-ewwel każ: Żagħżugħ ta' 29 sena

L-ewwel każ huwa dwar żagħżugħ ta' 29 sena li huwa barrani u li jgħix u jaħdem Malta. 

Dan iż-żagħżugħ mar il-Belġju u telaq minn Malta fil-5 ta' Marzu u rritorna fit-8 ta' Marzu. Beda bis-sintomi meta kien hawn Malta, fid-9 ta' Marzu u kellu sintomi ħfief, bħal deni ħafif u anke għejja.

Skont Gauci, dan iż-żagħżugħ jgħix waħdu, iżda jidher li dan mar darba x-xogħol meta kien bis-sintomi. Dan jaħdem ma' kumpanija privata u bħalissa qed isir kuntatt mal-kumpanija biex ikun magħruf x'kuntatti kien hemm.

Jekk jinstabu persuni li kienu viċin ħafna taż-żagħżugħ u għalhekk setgħu kienu esposti, dawn jitpoġġew fi kwarantina.

Anke jekk is-sintomi bdew wara li wasal Malta, qed jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni u addizzjonali u qed isir kuntatt mal-persuni li kienu miegħu fuq l-ajruplan. Ir-riskju għal dawn il-passiġġiera huwa baxx ħafna iżda xorta se jittieħdu l-miżuri kollha.

It-tieni każ: Żagħżugħa ta' 26 sena - Kellha s-sintomi meta kienet fuq l-ajruplan

It-tieni każ huwa ta' żagħżugħa ta' 26 sena. Din ukoll hija barranija li tgħix u taħdem Malta. 

Din it-tfajla ħalliet Malta fl-4 ta' Marzu u ġiet Malta fl-10 ta' Marzu. Din marret berlin u minn Berlin marret Amsterdam permezz ta' xarabank.

Meta kienet għadha msiefra, din bdiet bis-sintomi, inkluż deni. 

Bħalissa qed isir kuntatt mal-passiġġieri kollha li kienu magħha fuq l-ajruplan. Skont il-protokoll qed isir kuntatt mal-persuni li kienu bilqiegħda sa żewġ fillieri quddiemha, żewġ fillieri warajha u anke fl-istess filliera magħha.

Din it-tfajla wkoll marret xogħol għal sagħtejn fil-kumpanija privata li magħha taħdem u bħalissa qed isiru kuntatt mal-kumpanija, l-istess bħall-ewwel każ.

It-tfajla tgħix ukoll b'appartament ma' tliet persuni oħra u qed isir ukoll kuntatt ma' dawn il-persuni.

Aktar informazzjoni dwar il-każ tal-bieraħ filgħaxija

Charmaine Gauci tat ukoll aktar dettalji dwar il-każ tal-bieraħ filgħaxija, jiġifieri s-seba' pazjent tal-coronavirus f'Malta. 

Din hija mara ta' 53 sena u li tiġi mit-tabib li wkoll irriżulta pożittiv għall-coronavirus. Fil-fatt, din kienet imsiefra miegħu.

Huma kienu msiefra l-Italja bejn l-1 u t-8 ta' Marzu. Bdiet bis-sintomi fil-11 ta' Marzu. 

Il-mara tinsab f'sitwazzjoni ta' saħħa tajba. Kellha biss kuntatti ma' żewġ persuni li jgħixu magħha. Dawn kellhom xi sintomi iżda ħarġu negattivi.

Ħarsa lura lejn il-każi sa issa

Charmaine Gauci enfassizzat li l-każi kollha sa issa f'Malta huma importati u sa issa ma hemm l-ebda trażmissjoni lokali.

  • Tifla ta' 12-il sena u l-ġenituri tagħha. Dawn huma Taljani li jgħixu Malta.
  • Żewġ pazjenti oħra li jiġu minn xulxin. Dawn huma min-Norveġja u jgħixu Malta.
  • Żewġ persuni Maltin li jiġu minn xulxin u li kienu l-Italja flimkien.
  • Il-każ taż-żagħżugħ ta' 29 sena. Barrani li jgħix Malta
  • Il-każ taż-żagħżugħa ta' 26 sena. Barranija li tgħix Malta.

Swabbing f'Ħal Luqa, Mater Dei u lilhinn. 

Sa issa, fiċ-ċentru ta' Ħal Luqa, f'Mater Dei u lilhinn saru xejn inqas minn 416 test. Dawn huma testijiet li saru fuq persuni li kienu msiefra f'pajjiżi affettwati u li kellhom is-sintomi. Minn dawn, disa' biss (ara aktar 'il fuq) irriżultaw fil-pożittiv.

Intant, saru wkoll 473 test fuq pazjenti li daħlu Mater Dei bi problemi respiratorji. Minn dawn, ħadd ma rriżulat fil-pożittiv għall-Covid-19.

Miżuri mħabbra fl-aħħar jiem:

  • Kwarantina obbligatorja għal min wasal mill-Italja fl-aħħar 14-il ġurnata mill-Italja, Singapore, iċ-Ċina, il-Ġappun u Hong Kong, l-Iran u l-Korea ta' Isfel.
  • Kwarantina obbligatorja wkoll għal min wasal fl-aħħar sigħat mill-Ġermanja, Franza, Spanja u l-Iżvizzera.
  • Min jikser din il-kwarantina, se jeħel €1,000 kull darba. Spot checks inkluż mill-kwarantina. 
  • Jitwaqqfu t-titjiriet minn u lejn il-Ġermanja, Franza, Spanja, l-Iżvizzera u l-Italja
  • Appell: Min ma għandux bżonn joħroġ ma joħroġx mid-dar.
  • Appell: Jekk hemm possibbilità ta' telework, ix-xogħol għandu jsir mix-xogħol.
  • Appell: L-anzjani ma joħorġux jekk mhux għall-bżonn

More in Politika