‘Perikli akbar jekk il-kannabis tiġi legalizzata’- Caritas

L-iżvantaġġi u l-perikli li ġġib magħha l-legalizzazzjoni tal-kannabis żgur li jegħlbu l-vantaġġi tagħha

Caritas Malta, flimkien ma’ numru ta’ assoċjazzjonijiet oħra, qed ikomplu jwissu dwar iż-żieda fil-periklu jekk il-kannabis tiġi legalizzata speċjalment mill-bejgħ fuq l-idejn.

Anthony Gatt, il-Kap tal-Caritas, jisħaq li għalkemm dan mhux suġġett faċli u jħalli ħafna lok għall-opinjoni u l-interpretazzjoni, ġaladarba l-kannabis tiġi legalizzata, tiftaħ l-opportunità u r-riskju li bejgħ ta’ din is-sustanza minn fuq l-idejn tkun ta’ periklu. L-akbar preokkupazzjoni hija li tinbiegħ sustanza aktar b’saħħitha sabiex tikkompeti mal-kannabis irregolarizzata mill-istat. Minħabba dan, hemm il-possibbilità wkoll li l-bejgħ tagħha minn fuq l-idejn ikun orħos ukoll.

Gatt isostni li l-iżvantaġġi u l-perikli li ġġib magħha l-legalizzazzjoni tal-kannabis żgur li jegħlbu l-vantaġġi tagħha. Barra minn dan, din l-idea tmur preċiż kontra dak li qed jiġi mgħallem fl-iskejjel.

Flimkien mal-Fondazzjoni Oasi, Sedqa, l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija u l-Fondazzjoni tas-Servizzi Soċjali, taħt il-patronċinju tal-President George Vella, Caritas Malta ser tkun qed ittella’ konferenza nazzjonali bl-iskop li toħloq kuxjenza dwar il-perikli tal-kannabis. Il-konferenza ser tittella’ nhar l-24 ta’ Marzu.

Il-messaġġ ewlieni mill-għaqdiet u l-organizzazzjonijiet f’din il-konferenza stampa kien li “jeżistu mezzi ta’ rikreazzjoni aktar pożittivi. Hemm alternattivi aktar sani, bħal ngħidu aħna l-isport, li joffri wkoll sens ta’ adrenelina. Dawn l-alternattivi jippreparaw u jiffurmaw liż-żgħażagħ għall-futur. Bi prattiċi pożittivi u sani ż-żgħażagħ jittrawmu jieħdu deċiżjonijiet għaqlim meta ffaċċjati mill-opportunità li jagħmlu użu minn sustanzi perikolużi.”

 

 

More in Politika