'Jew twaqqaf il-kuntratt jew iġorr ir-responsabbilità politika għal dan is-serq' - Delia lill-PM

Adrian Delia indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara l-aħħar dettalji u rapporti dwar il-kuntratt li l-Gvern iffirma mal-VGH

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, saħaq li jekk il-kuntratt tal-Gvern dwar it-tliet sptarijiet ma jitwaqqafx minnufih, il-Ministri kollha huma responsabbli għal dak li sejjaħlu serq.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Delia għamel referenza għal dak li żvelat ilbieraħ il-MaltaToday, jiġifieri li  Konrad Mizzi mar fuq il-Kabinett tal-Ministri, qallhom u aċċettaw li jneħħu l-performance guarantee ta' €9 miljun li kellhom Steward għall-isptarijiet. 

Kien għalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li tenna li l-VGH u eventwalment Steward, ħadu €240  minn but il-poplu, insista li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna huma responsabbli direttament “għall-ftehim korrot.”

Delia saħaq li Edward Scicluna huwa kompliċi għax għandu r-responsabbiltà li jara li l-flus tat-taxxi jintefqu bil-galbu u li l-flus li jingħataw lura f'servizz ta' kwalità iżda minflok baqa' jippermetti li jitħallsu l-pagamenti u jibqa' għaddej dan  “is-serq tal-flus tan-nies fl-ikbar skandlu finanzjarju ta' pajjiżna mill-indipendenza sal-lum.”

Kompla jisħaq li Robert Abela u Chris Fearne se jsiru kompliċi f'dan kollu jekk jippermettu li dan il-ftehim jibqa' għaddej ġurnata oħra.

“Li kieku l-istituzzjonijiet tħallew jaħdmu fil-libertà mill-Gvern Laburista, kieku dan il-kuntratt kien jiġi investigat,” saħaq Delia.

Kompla jisħaq illi li kieku dawn il-flus tqassmu lill-familji Maltin u Għawdxin kieku kull familja kienet tieħu €2,400 fuq medda ta' sitt snin jew €400 kull sena.

“Flus tan-nies li setgħu ġew investiti aħjar għas-saħħa mentali, kura aħjar, aktar mediċini, għall-kanċer, għall-PREP lill-komunità LGBTIQ, iżjed għajnuna lid-dijabetiċi. Dawn il-flus setgħu marru wkoll f'għajnuna f'settur oħra tas-soċjetà bħall-housing soċjali, fil-ġlieda kontra l-faqar, għas-saħħa mentali, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u fil-Korp tal-Pulizija aktar modern li ma jkunx imtappan bi skandli,” insista l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi kliemu, il-Gvern Laburista jinsab maqsum dwar it-tliet sptarijiet, filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jistenna x'se joħroġ mir-rapporti, Joseph Muscat irid li l-poplu jkompli jħallas għal dan il-kuntratt li qed jiswa lill-poplu miljuni ta' ewro fis-sena.

“Kuntrarjament għal Joseph Muscat, Chris Fearne qed jgħid li l-Gvern għandu jwaqqaf il-kuntratt u jammetti li dan il-progett kien żball,” insista Delia.

Saħaq li fid-dokument tal-evalwazzjoni hemm lista ta' xogħlijiet li kellhom jagħmlu kemm Vitals u wara Steward li jinkludu r-rinnovar tal-isptar San Luqa u Karen Grech u l-bini ta' sptar ġdid f'Għawdex, jimpjegaw mal-elf persuna u jiġbdu t-turiżmu mediku lejn pajjiżna. “Minn dan kollu ma sar xejn,” saħaq Delia.

Għalhekk, Delia tenna l-appell tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern iwaqqaf dan il-kuntratt minnufih.

More in Politika