Għalliem akkużat li ta fastidju sesswali lil ħames studenti taħt l-età

L-għalliem qed iwieġeb mhux ħati iżda nżamm arrestat

Għalliem tal-arti mill-Fgura ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’fastidju sesswali fuq għadd ta’ studenti tal-privat li kollha huma taħt l-età.

L-akkużat, li għandu 52 sena, tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech akkużat li ffastidixxa ħames studenti, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn disgħa u tnax-il sena.

L-Ispetturi Roxanne Tabone u Hubert Cini qal lill-Qorti li r-raġel jagħti lezzjonijiet tal-privat fl-istudio tiegħu.

Waħda mill-istudenti bniet tkellmet wara li l-għalliem missha u eventwalment sar rapport lill-Pulizija.

Jidher li l-Pulizija sejħet 50 student biex tkellimhom u minnhom 4 studenti oħra rrapportaw li l-għalliem tahom fastidju sesswali, fosthom kien imisshom fil-partijiet tagħhom.

L-għalliem qed iwieġeb mhux ħati.

L-Avukat tad-Difiża Martha Mifsud talbet li isem l-għalliem ma jkunx imxandar iżda l-Qorti ma laqgħetx din it-talba u lanqas it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur informa lill-Qorti li l-akkużat qed jiffaċċja kważi l-istess akkużi fi proċeduri oħra.

More in Politika