Se jitwaqqaf panel tal-infurzar fl-Awtorità tal-Ippjanar

Il-panel tal-infurzar se jkun qiegħed jikkumplimenta x-xogħol tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ipjannar

L-ILLUM tista’ tiżvela li se jkun qiegħed jitwaqqaf panel esklussivament għall-infurzar, bl-għan li jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija biex każijiet ta’ ksur ta’ permessi jiġu mismugħa.

Il-panel tal-infurzar se jkun qiegħed jikkumplimenta x-xogħol tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ipjannar.

Din il-gazzetta hija infurmata li l-infurzar fih l-iktar każijiet li jinvolvu provi, u għaldaqstant l-aktar każijiet li jridu seduti. Bi tribunal li jieħu ħsieb oqsma usa’ mill-infurzar innifsu, is-seduti tal-infurzar kienu qed jiġu differiti kull tliet xhur biex jiddaħħlu seduti tal-permessi.

Bit-twaqqif ta’ panel li speċifikament jitratta dawn il każijiet, ikunu jistgħu jsiru seduti aktar spissi u l-każijiet jingħalqu b’aktar ħeffa, biex fejn hemm illegalità din kemm jista’ jkun ma tkomplix issir, kemm fil-każ ta’ ksur ta’ liġi tal-ippjanar u wkoll ksur ta’ liġi ambjentali. Hekk ukoll b’dan il-panel ġdid, li ser iħaffef il-każijiet t’infurzar u jkollu seduti aktar spissi, iż-żewġ partijiet, inkluż l-Awtorità, ikollhom żmien biżżejjed biex iressqu l-provi tagħhom u jiġi ggarantit smigħ xieraq.

Ikkuntatjat dwar dan, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li din se tkun waħda mill-bidliet li se ssir sabiex jassigura li jkun hemm iktar serjetà u effiċjenza fl-infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

“Mhux aċċettabbli li l-Awtorità ma tingħatax iċ-ċans li taħdem b’effiċjenza. L-ippjanar huwa dekasteru sensittiv u importanti għall-pajjiż, u jeħtieġ li l-infurzar isir sewwa u fil-ħin, u l-Awtorità u l-bord ikunu jistgħu jiffunzjonaw mill-aħjar mod possibbli. B’dan il-panel ġdid l-infurzar se jingħata iktar importanza u jissaħħaħ.”

More in Politika