'Din hija waħda mill-inizjattivi biex l-Air Malta tiġġenera aktar dħul’ – Schembri

l-Ministru Silvio Schembri qal li t-tnedija tal-Air Malta Holidays għall-aġenti lokali tal-ivjaġġar kienet pass naturali ’l quddiem

Il-Ministru Silvio Schembri
Il-Ministru Silvio Schembri

l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, responsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, nieda Air Malta Holidays għall-aġenti lokali tal-ivjaġġar - il-pakkett tal-ivjaġġar tal-linja nazzjonali.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li t-tnedija tal-Air Malta Holidays għall-aġenti lokali tal-ivjaġġar kienet pass naturali ’l quddiem meta wieħed jikkunsidra li kull sena l-Air Malta ġġorr maż-żewġ miljun konsumatur li l-maġġoranza tagħhom huma turisti. “Wara nuqqas ta’ ħafna snin, din l-inizjattiva se sservi ta’ pjattaforma għall-Air Malta biex terġa’ tidħol fis-suq ta’ vaganzji pjanati kif ukoll bħala mod biex il-klijent jippersonalizza ż-żjarat tiegħu fl-istess waqt li jnaqqas proċeduri li għal uħud jidhru stressanti meta jiġi biex jippjana vaganza”, qal il-Ministru.

Żied jgħid li l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Air Malta li tadatta għal metodi ġodda teknoloġiċi li jirriflettu tendenzi ġodda fis-suq turistiku. “Din hija waħda minn għadd ta’ inizjattivi li se jkunu mħabbra mill-Air Malta biex tiġġenera dħul ġdid. Din is-sistema ġdida se sservi ta’ one-stop-shop għall-aġenti tal-ivjaġġar u għall-viżitaturi u se tara li tindirizza dak kollu li wieħed ifittex meta jiġi għal żjara fil-gżejjer Maltin” qal il-Ministru Schembri.

Iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion esprima l-impenn tal-linja tal-ajru li tkompli tiffaċilita l-ivjaġġar permezz ta’ investment fl-informatika u t-teknoloġija u t-titjib fl-esperjenza tal-konsumatur. “Kull sena, madwar żewġ miljun konsumatur jagħżlu li jivjaġġaw bl-Air Malta - 20% minnhom huma Maltin. Permezz ta’ din is-sistema qed nissieħbu mal-aġenti lokali tal-ivjaġġar u nagħtuhom iċ-ċans li jbigħu vaganzi pjanati mit-titjira sal-wasla mal-Air Malta”, qal Mangion.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Clifford Chetcuti qal li l-konsumaturi li jivjaġġaw, ikunu qed jistennew esperjenza diġitali tajba li hija komuni f’industriji oħra. “It-tfittxija għall-arranġament tal-ivjaġġar taf tidher kumplikata, li tieħu l-ħin u hemm bosta involuti fiha. Li qed nimbarkaw fuq proċess ta’ trasformazzjoni diġitali f’setturi varji, l-Air Malta qed tiffaċilita l-proċess tal-ibbukkjar ta’ vjaġġar. Din is-sistema se toffri esperjenza ġdida ta’ xiri għall-imsieħba tagħna f’dan in-negozju, l-aġenti tal-ivjaġġar”, qal Chetcuti.

L-Uffiċjal Kummerċjali Paul Sies spjega li s-sit joffri pakkett sħiħ b’valur tajjeb kemm għal flus, irħas minn meta wieħed jixtri t-titjiriet u l-akkomodazzjoni separatament.

 

More in Politika