Id-dwana għamlet sejba ta’ 9,500 flixkun tal-litru tal-vodka moħbija f’kontejner li suppost kien qed iġorr xkejjer bil-gypsum powder.
Fi stqarrija, id-Dwana saħqet li l-kontejner, li mill-port ta’ Odessa kien sejjer lejn il-port ta’ El Khoms fil-Libja, kien interċettat bis-saħħa tal- iscanner tad-Dipartiment, f’ħidma koordinata bejn żewġ Taqsimiet tad-Dwana, il-Container Monitoring Unit u l-iScanning Team.
Meta nfetaħ il-kontejner, wara l-ixkejjer, kien hemm kaxxi tal-kartun mimlija flieken tal-vodka li t-taxxa duvuta fuqhom hu kkalkulat li tlaħħaq il-€61,000.
Id-Dipartiment tad-Dwana jinsab għaddej b’aktar investigazzjonijiet fuq dan il-każ u qiegħed jikkollabora ma’ Dwaniet internazzjonali.