Micallef jappella kontra reġim fiskali ugwali għall-pajjiżi Ewropej u favur flessibilità fiskali

Delegazzjoni Maltija tipparteċipa fil-konferenza interparlamentari dwar l-istabbiltà, il-governanza u l-koordinazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea

Jean Claude Micallef u ħdejh Anthony Agius Decelis
Jean Claude Micallef u ħdejh Anthony Agius Decelis

Jean Claude Micallef u Anthony Agius Decelis rrappreżentaw lill-Parlament Malti fil-konferenza interparlamentari dwar l-istabbiltà, il-governanza u l-koordinazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Il-konferenza ġiet organizzata mill-Parlament Ewropew flimkien mal-Parlament tal-Kroazja fil-qafas tal-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u nżammet bejn it-18 u d-19 ta’ Frar fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-konferenza trattat diversi temi importanti fosthom il-governanza ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, il-qafas finanzjarju tal-Unjoni Ewropea, is-sistema tat-taxxa internazzjonali u temi soċjali bħall-faqar fost it-tfal u l-paga minima. Temi oħra li ġew diskussi jinkludu kif l-Unjoni Ewropea tista’ tieħu rwol primarju fuq livell globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u dwar ix-xogħol u l-ħiliet għal tkabbir ekonomiku inklussiv. Fid-dibattiti ħadu sehem membri tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll membri tal-Parlament Ewropew.

Fl-ewwel sessjoni plenarja  ġiet diskussa l-governanza tal-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni Ewropea. Fl-indirizz tiegħu, il-President tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Jean Claude Micallef, qal li bħala Unjoni Ewropea nistgħu nikkonsolidaw il-munita Ewropea, però ma nkunu faddalna xejn jekk ma nindirizzawx il-ħtiġijiet soċjali u ambjentali li tant individwi qed jesperjenzaw. Qal li fuq livell nazzjonali, Malta mhux biss rat l-ogħla tkabbir tal-prodott gross domestiku, imma wkoll ħadet miżuri biex jinħolqu riservi li jaħsbu f’każ li Malta tesperjenza kriżi finanzjarja.

"Ikunu qed inqarqu bina nfusna jekk il-prinċipju tas-solidarjetà nsarrfuh biss fuq termini monetarji iżda għandna nħarsu lejn mekkaniżmi li jpoġġu liċ-ċittadin Ewropew fiċ-ċentru ta’ tfassil għal governanza tajba," qal Micallef.

F’sessjoni oħra dwar il-qafas finanzjarju tal-Unjoni Ewropea, li jkopri s-seba’ snin li jmiss, Micallef tkellem dwar l-importanza ta’ qafas finanzjarju li ma jkunx one-size-fits-all imma jkollna mekkaniżmi fiskali flessibbli li jħallu lill-pajjiżi jifjorixxu b’mod individwali f’Ewropa aktar magħquda. Qal li m’għandux ikollna budget li jħares biss kif ser jintlaħqu l-miri tal-European Green Deal imma rridu nħarsu wkoll lejn sfidi oħra bħall-immigrazzjoni irregolari u s-sigurtà.

Anthony Agius Decelis, President tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Familja, tkellem waqt is-sessjoni fejn ġiet diskussa l-paga minima fl-Unjoni Ewropea. Spjega li Malta daħħlet miżura importanti fejn il-ħaddiem ma jistax jagħmel aktar minn sena fuq il-paga minima.

Agius Decelis irrefera wkoll għal diversi skemi li Malta daħħlet biex persuni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol, minkejja li xorta jibqa’ dawk li minħabba d-diżabbiltà severa tagħhom ma jkunux jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Żied li dawn il-persuni qed jingħataw ukoll il-paga minima mill-gvern sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja b’dinjità.

More in Politika