In-nisa jiltaqgħu mal-Prim Ministru u jgħidulu li għad fadal ħafna xi jsir

Il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa jfakkar li d-diskrepanza fil-pagi żdiedet mhux naqset fl-aħħar snin

Uħud mill-membri tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa
Uħud mill-membri tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa

Il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa f'laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela sostna illi l-Gvern għandu bżonn jindirizza l-abbuż domestiku u d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar. 

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Josann Cutajar qalet illi waqt li qed isiru tenattivi, Malta xorta għadha lura f'dak li jirrigwarda diskriminazzjoni kontra nisa fuq il-post tax-xogħol. 

"Filwaqt li qed naraw numru ikbar ta' nisa li jiggradwaw taħt l-età ta' 35 sena, għadna qed naraw diskrepanza kbira ħafna f'dak li jirrigwarda x-xogħol."

Cutajar qalet ukoll illi hekk kif jgħaddi ż-żmien id-diskrepanza bejn il-pagi qed tiżdied mhux tonqos u fakkret li din telgħet għal 12% fl-2019 minn 5% fl-2009.  Hi qalet ukoll li n-nisa għandhom ikunu mbuttati wkoll biex jaħdmu f'oqsma bħax-xjenza u l-arkitettura. 

Temmet tgħid li l-fastidju fuq in-nisa għadu problema.  "Nisa li jkellmuna jgħidu li huma ffaċċjati b'fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, waqt li qed jipprattikaw l-isport u anke jekk sempliċiment mexjin fit-triq."  Hi fakkret illi mingħajr pagi tajbin u allura indipendenza finanzjarja nisa ma jkunux jistgħu jimxu lilhinn minn dawn is-sitwazzjonijiet.

Il-PM Abela qal li l-Gvern dejjem ipprijoritizza kwistjonijiet soċjali u drittijiet tan-nisa, fost oħrajn.  Hu qal li l-Gvern qed jaħdem fuq mekkaniżmu li jilħaq ugwaljnza bejn il-ġeneri fil-Parlament, għal rappreżentazzjoni aħjar tas-sessi.  Sostna li jekk dan ma jsirx l-affarijiet mhumiex se jinbidlu.

More in Politika