Il-kumpanija tal-PM u martu twaqqaf is-servizzi legali tagħha mal-Awtorità tal-Ippjanar

Il-kumpanija tterminat il-kuntratt tagħha dakinhar stess li l-Prim Ministru ħa l-ġurament

Il-kumpanija legali tal-Prim Ministru, Abela Advocates, waqqfet is-servizzi legali tagħha mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Skont MaltaToday, il-kumpanija waqqfet is-servizzi tagħha mit-13 ta’ Jannar 2020, jiġifieri fl-istess ġurnata li Abela ħa l-ġurament bħala Prim Ministru.

Bħalissa, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tħejji tender pubbliku għal servizzi legali u li mistenni jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Sadanittant, f’każijiet fejn ikun hemm bżonn assistenza legali fil-Qorti, il-proċeduri qed ikunu diferiti.

Il-kuntratt kien ingħata lill-missier il-Prim Ministru, Goerge Abela, meta kien sieħeb fil-kumpanija ma’ Ian Stafrace, li aktar tard kien appuntat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista.

Tul il-kampanja tiegħu, għall-ewwel Abela kien saħaq li ma jarax għaliex il-kumpanija tiegħu, ġaladarba huwa jirriżenja minnha, ma tkunx tista’ tapplika għal xogħol tal-Gvern.

Madanakollu, aktar tard, Abela kien saħaq li l-mara tiegħu, Lydia Abela, ukoll Avukata u sieħba miegħu fil-kumpanija tal-familja, mhux se tkun qed tapplika għal tenders fis-settur pubbliku.

Fl-2017, Abela Advocates ħadet €110,000 għas-servizzi legali li tat lill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-kumpanija ħadet €168,000 fl-2016, €110,000 fl-2015 u €88,000 fl-2014, meta kienet intagħżlet b’direct order.

Oriġinarjament, il-kumpanija kienet bdiet toffri s-servizzi tagħha fl-2001 u ħadet f’idha x-xogħol legali meta l-kap tas-servizzi legali tal-Awtorità, Anthony De Gaetano, kien akkuża lill-istess awtorità li ma mxietx sewwa f’każ li jirrigwardja proprjetà tiegħu, allegatament minħabba ndħil politiku.

L-Awtorità kienet ħalset lill-kumpanija, dak iż-żmien magħrufa bħala Abela, Stafrace & Associates, total ta’ €1.23 miljun sal-2011. 

Il-kuntratt kien estiż sal-2013 u mġedded mill-ġdid għal €107,263 fis-sena u €54.99 għal kull siegħa xogħol “addizzjonali.”

More in Politika