'Il-qtil ta' Daphne kienet id-daqqa tal-mewt ... qtiltuha għax kienet se tikxifkhom'

Illejla niżel is-separju fuq il-karriera politika lokali u kontroversjali ta' Simon Busuttil

L-eks Kap tal-PN u dalwaqt l-eks Deputat Simon Busuttil
L-eks Kap tal-PN u dalwaqt l-eks Deputat Simon Busuttil

Meta llejla kien qed jagħmel l-aħħar diskors tiegħu bħala Deputat Nazzjonalista, liema diskors iddedika lil Daphne Caruana Galizia, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna illi l-qtil ta' din il-ġurnalista kienet "daqqa mortali" għad-demokrazija ta' pajjiżna. 

"Il-qtil ta' Daphne kienet id-daqqa tal-mewt ... qtiltuha għax kienet se tikxifkhom.  Imma din ma kinitx l-unika daqqa li qalgħet id-demokrazija f'dan l-aħħar snin. M'għadniex ngħixu f'demokrazija ta' veru, imma f'demokrazija taparsi."

Semma' l-istqarrija tal-PM illi l-pajjiż mar lura għan-normalità u staqsa x'inhi n-normalità: Jekk hix normalità li jinstab mobile f'qiegħ ta' baħar ma' oħrajn użati minn dawk akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - u fuqu jkun hemm biss in-numru tal-eks Ministru Chris Cardona. Staqsa hux normalità li pulizija jiftħu kont tal-bank biex fih jintefgħu flus mit-tixħim, qabel imbagħad fakkar li wara kollox Keith Schembri u Konrad Mizzi hekk kienu għamlu, bħal donnu jimplika li l-eżempju jkaxkar.

Huwa akkuża lill-Gvern bit-tkissir tal-istituzzjonijiet u tal-pilastri li fuqhom isserraħ id-demkokrazija. 

Il-Kap tal-PN, Simon Busuttil jindirizza l-mass meeting f'Ħaż-Żebbuġ fil-kampanja tal-2017 | ritratt: James Bianchi
Il-Kap tal-PN, Simon Busuttil jindirizza l-mass meeting f'Ħaż-Żebbuġ fil-kampanja tal-2017 | ritratt: James Bianchi

Huwa qal li l-Gvern huwa korrott, "minn fuq sa isfel".  Dwar il-Qrati, it-tieni pilastru, huwa qal li l-ġustizzja mhux qed issir dejjem.  Elenka diversi inkjesti u staqsa kif għaddew tliet snin minn dik dwar flus li għaddew mingħand Adrian Hillman għal għand Keth Schembri u għadu ma ġara xejn, lanqas biss ġie deċiż hemmx biżżejjed biex jibdew proċeduri.

Għamel referenza għal Imħallef partikolari, mingħajr ma semma' ismu u qal illi dan iddeċieda li m'għandhiex tinfetaħ inkjesta fuq il-każ tal-Panama u lanqas dwar dak tal-VGH. Semma' wkoll allegazzjoni ta' Melvin Theuma li Yorgen Fenech kien qallu li l-akkkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia għandhom imorru għand Imħallef partikolari, "ħalli jirranġalhom. U qisu ma ġara xejn! Din normalità?"

Semma' wkoll lill-midja u reġa' rrefera għall-qtil ta' Caruana Galizia. Busuttil qal illi l-assasinju tal-ġurnalista kienet l-akbar daqqa għall-midja indipendenti, li allega illi l-Gvern ukoll jipprova jixtri "kif prova jagħmel lit-Times."  Hu kien qed jirreferi għal flus li Keith Schembri qal li għadda lill-Allied Newspapers.

Il-famuż ritratt fiż-Żonqor li indika ħidma bejn Busuttil u Marlene Farrugia
Il-famuż ritratt fiż-Żonqor li indika ħidma bejn Busuttil u Marlene Farrugia

Finalment Simon Busuttil għamel diversi ringrazzjamenti, fosthom lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u qal li fil-PN m'hemmx fazzjonijiet imma front wieħed kontra l-korruzzjoni.  Saħaq illi stenna li l-Gvern Laburista jaqbel miegħu fuq l-korruzzjoni u mhux jibda kampanja ta' assassinju tal-karattru. 

Min huwa Simon Busuttil fil-politika?

Busuttil daħal fix-xena politika u ppopolarizza ħafna lilu nnifsu fiż-żmien illi fih Malta kienet qed tipprepara biex tidħol fl-Unjoni Ewropea (UE).  Dan hekk kif hu kien imexxi ċ-ċentru ta’ informazzjoni li wieġeb il-mijiet, jekk mhux eluf, ta’ mistoqsijiet minn bosta persuni u negozji, fir-rigward tal-impatt u l-effett tas-sħubija.

Dan iċ-ċentru, magħruf aħjar bħala MIC (Malta-EU Information Centre), kien potenzjalment l-aqwa għodda ta’ informazzjoni dwar sħubija u wieħed mill-aktar għodod effiċjenti ta’ relazzjonijiet pubbliċi li qatt bena Gvern. 

Ir-rebħa kbira tal-'Iva' fir-referendum tal-2003 u allura tal-kampanja mmexxija minn Eddie Fenech Adami kienet l-ewwel tarġa biex Busuttil jidħol fil-qalba tal-politika lokali. 

L-ewwel MEP tal-PN ...
Fil-fatt u bix-xieraq, fl-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewopew Busuttil kien kandidat tal-PN u kiseb b'kollox 58,899 vot. Hu b'hekk kien l-ewwel MEP elett f'isem dan il-partit bl-akbar numru ta' voti. 

Fl-elezzjoni tal-2009 imbagħad Busuttil reġa spara 'l fuq biex kiseb 68,782 vot u allura huwa - sal-lum - l-aktar kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li kiseb voti. 

Dan ir-riżultat eċċezzjonali mbuttah għal fuq quddiem, bil-ħatra tiegħu bħala suċċessur ta' Lawrence Gonzi tidher kważi ovvja, minn qabel elezzjoni li kien ċar illi l-PN se jitlef bil-kbir. 

Busuttil u l-predeċessur tiegħu Lawrence Gonzi
Busuttil u l-predeċessur tiegħu Lawrence Gonzi

Isir Kap Nazzjonalista
Fil-fatt, fl-2012 huwa kien elett Kap tal-PN b'451 vot minn 897, jew 50.3%. Warajh, b'38.5%, kien hemm Mario De Marco, imbagħad Francis Zammit Dimech u fl-aħħar Ray Bugeja. 

Busuttil, bħala Kap Nzzjonalista mbarka fuq politika li tattakka lill-Gvern dwar korruzzjoni, l-aktar wara l-żvelar minn Daphne Caruana Galizia tal-Panama Papers u l-iżvelar kontinwu ta' aktar dettalji marbutin ma' żewġ kumpaniji  - Tillgate ta' Keith Schembri u Hearnville tal-eks Ministru Konrad Mizzi. Iktar tard dawn il-kumpaniji kienu marbutin b'mod intrinsiku ma' 17 Black, ta' Yorgen Fenech.  Dan tal-aħħar qed ikun akkużat bil-qtil tal-ġurnalista f'Ottubru 2017.

Busuttil organizza u kien indirizza diversi protesti u attivitajiet li kkulminaw f'dik illi fiha appella lill-Pulizija, servizzi sigrieti, lil-President tar-Repubblika u oħrajn biex jaġixxu kontra l-Gvern.  Dan seħħ wara l-istorja li kienet tallega illi Egrant kienet ta' Michelle Muscat. 

Inkjesta dwar Egrant Inc. mill-Imħallef, dakinhar Maġistrat, Aaron Bugeja ma sabitx provi li jorbtu din il-kumpanija fil-Panama ma' Muscat. 

Telfa rekord
Busuttil tilef l-elezzjoni ġenerali tal-2017 bil-kbir, b'rekord fil-fatt.  Il-PN tilef  b'distakk ta' 35,280 vot meta tgħaqqad il-voti tal-PN u l-Partit Demoratiku flimkien u b'madwar 40,000 vot meta tgħodd il-voti li kiseb il-PN biss.

Wara din it-telfa Busuttil irriżenja, b'partit li baqa' maqsum bejn viżjonijiet differenti sal-lum u li fl-aħħar ġimgħat iffaċċja ribelljoni oħra kontra l-Kap kurrenti Adrian Delia. 

Busuttil iddikjara rebħa meta kien implikat Keith Schembri fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, xi ħaġa li hu stess kien ilu jimplika għall-kritika ta' ħafna.  Waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-2017 Busuttil kien saħansitra żvela pagamaneti bejn l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri u Adrian Hillman. Pagamenti li Busuttil  qal illi għandhom xamma ta' ħasil ta' flus. 

Busuttil baqa' fuq quddiem f'attivitajiet favur ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia li fl-aħħar xhur tal-2019 attiraw eluf kbar ta' nies fit-toroq tal-Belt Valletta u fi Pjazza Kastilja.

Intant nhar il-Ħadd li ġej il-gazzetta ILLUM se tanalizza l-karriera politika ta' Simon Busuttil.

More in Politika