Jipprotestaw għax l-Isqfijiet ma semmewx lil San Publju fl-ittra pastorali dwar iż-żjara tal-Papa

L-Assoċjazjoni Publju ta' Malta weħħlet tabelli mal-bieb u l-faċċata tal-Kurja

Matul il-lejl li għadda, membri tal-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta weħħlu tabelli b’versi mill-bibja mal-bieb u l-faċċata tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li għamlet dan bħala ‘protesta paċifika’ għall-ittra pastorali tal-Isqfijiet dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta u li nqrat fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex matul dan tmiem il-ġimgħa.

L-Assoċjazzjoni nnutat il-fatt kif minkejja li din tiffoka fuq is-silta mill-Atti tal-Appostli dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u l-laqgħa li tawh il-Maltin, l-isqfijiet jonqsu milli jsemmu lil San Publju, il-Prinċep tal-Gżira.

L-istqarrija tinsisti li kien Publju li laqa’ lill-Pawlu u lill-276 persuna li kienu fuq il-ġifen.

Huma saħqu li Publju seta’ tefa’ l-ħabs lil dawk li ma’ Pawlu kienu priġunieri u kienu fi triqithom lejn Ruma, iżda ma għamilx dan.

“L-umanità tiegħu impressjonat lil Luqa (li kiteb l-Atti) u faħħru għall-virtuwijiet tiegħu,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

Huma insistew li Publju, apparti li huwa figura reliġjuża huwa wkoll importanti għall-istorja ta’ Malta.

Apparti li huwa l-ewwel Malti uffiċjalment iddokumentat, skont it-tradizzjoni, Pawlu kien għamlu l-ewwel Isqof ta’ Malta.

“Bis-saħħa ta’ Publju, Malta laqgħet lil Pawlu u kkonvertiet għall-Kristjaneżmu,” saħqet l-Assoċjazzjoni.

L-Assoċjazzjoni, irreġistrata bħala NGO twaqqfet tmien snin ilu bil-għan li Publju jingħata l-attenzjoni u l-importanza li jistħoqqlu.

Fi kliem l-Assoċjazzjoni, Publju huwa l-preduċessur tal-President tar-Repubblika u l-Arċisqof.

Kien għalhekk li appellaw biex waqt din iż-żjara tal-Papa f’Malta, Publju jingħata l-importanza li jistħoqqlu.

More in Politika