'Robert Abela għandu jieħu azzjoni kontra Michael Farrugia' - Delia

Delia qal dan fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Korp tal-Pulizija u l-arrest ta’ 41 pulizija tat-traffiku li allegatament abbużaw mis-sahra

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Michael Farrugia, li fi żmienu, meta kien Ministru għall-Intern, seħħew dawn “l-iskandi,” fil-Korp tal-Pulizija.

Delia qal dan dalgħodu meta kien qed jiġi intervistat fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-Korp tal-Pulizija u l-arrest ta’ 41 pulizija tat-traffiku li allegatament abbużaw mis-sahra.

“Il-Prim Ministru Robert Abela kien imissu jieħu azzjoni fil-konfront ta' Michael Farrugia, li taħtu bħala Ministru għall-Intern, seħħew dawn l-iskandli iżda minflok jieħu azzjoni baqa jiddefendih mhux bħalma għamel ma Justyne Caruana,” insista Delia. “Michael Farrugia jrid iġorr ir-responsabbiltà politika.”

Delia tenna li l-aħħar Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, li serva ta' pupazz f'idejn il-Gvern u rrifjuta li jinvestiga nies viċin Joseph Muscat meta dawn ġew implikati fi stejjer gravi ta' korruzzjoni u kriminalità. 

“Għalhekk il-Gvern Laburista għandu jaċċetta l-proposta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li l-ħatra tal-Kummissarju ġdid issir biż-żewġ terzi tal-Parlament biex ikun hawn kunsens,” insista Delia.

Huwa insista li minħabba dak li għaddej u n-nuqqas ta' serjetà fit-tmexxija tal-Korp, qegħdin ibatu għaliha ħafna pulizija onesti li jagħmlu xogħolhom.

Għadda biex jitkellem dwar il-każ tal-Vitals Global Healthcare u saħaq li se jibqa’ jiġġieled fil-Qorti biex it-tliet sptarijiet jingħataw lura lin-nies.

Delia rringrazzja  lil Francis Zammit Dimech li assuma l-kariga ta' Segretarju Ġenerali interim biex ir-riformi li hemm bżonn jitwettqu. 

Saħaq li fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin se jidħlu fis-seħħ riformi biex il-PN jiġġedded u jerġa' jsir partit tan-nies.

More in Politika