Esklussiva | Il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN jaħtar lil Ċensu Galea bħala President tal-Kunsill Ġenerali

Kien Louis Galea li ppropona lil Galea b'sorsi jisħqu li Adrian Delia u dawk ta' madwaru talbu biex il-vot ma jitteħidx illum

L-ILLUM tinsab f'pożizzjoni li tikkonferma li ftit tal-ħin ilu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ħatar lil Ċensu Galea, eks Deputat u eks Ministru, bħala President interim tal-Kunsill Ġenerali.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa' bħalissa, b'sorsi jispjegaw ma' dan is-sit li kien Louis Galea li ppropona lil Galea, peress li dan kien runner-up ta' Kristy Debono li rriżenjat fl-aħħar jiem.

"Għal ta' Delia din hija disfatta oħra," qalilna s-sors fil-Kumitat Eżekuttiv.

Fil-fatt jidher li l-Kap Adrian Delia u dawk viċin tiegħu talbu biex il-vot ma jitteħidx illum. "Iżda ma kellhomx numri," kompla s-sors.

Jidher li Delia u ta' madwaru ma pproponew lil ħadd għal din il-kariga. 

Sa ftit tal-jiem ilu din il-kariga kienet qed tokkupaha Kristy Debono iżda din irriżenjat mill-kariga, f'sensiela ta' riżenji li kienu jinkludu wkoll dik ta' Robert Arrigo minn Viċi Kap u ta' Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kumitat Eżekuttiv approva wkoll il-ħatra ta' Francis Zammit Dimech bħala Segretarju Parlamentari interim, anke jekk skont sorsi li tkellmu li kellu ma' dan is-sit, din ma kinitx l-għażla favorita ta' Delia.

Fil-fatt, Delia kien wieħed minn dawk li astjena meta ttieħed il-vot. 

Il-PN jikkonferma l-ħatra ta' Galea

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kkonferma li Ċensu Galea ġie approvat bħala l-President tal-Kunsill Ġenerali u saħaq li ġie approvat b'vot unanimu.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qabel ukoll li bejn il-21 ta Frar u l-5 ta' Marzu jibdew isir laqgħat ta' assemblej bis-sehem tal-Kunsillieri tal-partit fejn matulhom isiru diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-istatut il-ġdid li qed jipproponi Louis Galea.

L-għan huwa li sa Marzu li ġej, il-PN jaddotta l-istatut waqt il-Kunsill Ġenerali u wara jiskatta l-proċess tal-elezzjonijiet interni, fosthom dawk tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess laqgħa, Louis Galea għamel preżentazzjoni dettaljata bil-linji gwida lill-membri tal-Eżekuttiv bħala familjarizzazzjoni mal-ideat tar-riforma, li għandhom iwasslu għall-abbozz finali tal-istatut.

More in Politika