Tibda titpoġġa l-gverta tal-pont pedonali ġdid li se jgħaqqad il-Ħamrun, il-Marsa u l-Furjana

It-tliet partijiet l-oħra tal-gverta li se jiffurmaw din l-istruttura se jittieħdu fil-post f’ħidma simili mal-lejl fil-ġimgħat li ġejjin

Matul il-lejl li għadda bdew jitpoġġew l-ewwel żewġ strutturi tal-ħadid li se jiffurmaw il-gverta twila 105 metri tal-pont ġdid għall-mixi u r-roti li Infrastructure Malta qed tibni fi Blajata l-Bajda. Dan se jgħaqqad il-Ħamrun, il-Marsa u l-Furjana.

L-istrutturi li tpoġġew ilbieraħ huma twal 23 metru u jiżnu 16-il tunnellata ‘l waħda.

Ix-xogħol baqa’ għaddej mal-lejl u qed ikompli dalgħodu sakemm l-istrutturi jkunu mwaħħlin b’mod sigur f’posthom fuq il-pilastri tal-konkos ta’ dan il-pont. 

Sakemm jitlestew ix-xogħlijiet ingħalqet il-karreġġjata tan-nofsinhar fi Triq San Ġorġ Preca (li tgħaqqad flimkien Triq Nazzjonali, fil-Furjana u Triq Diċembru 13, il-Marsa). 

It-tliet partijiet l-oħra tal-gverta li se jiffurmaw din l-istruttura se jittieħdu fil-post f’ħidma simili mal-lejl fil-ġimgħat li ġejjin. 

Dan il-pont ġdid tal-ħadid b’disinn ġej għat-tond se jaqsam minn fuq Triq San Ġorġ Preca, ħdejn il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM, biex jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana. 

Il-pont se joħloq ukoll aċċess dirett għall-ħames waqfiet tal-karozzi tal-linja (Blata l-Bajda 1, 2, 3, 4 and 5) li hemm fuq kull naħa ta’ dawn it-toroq arterjali traffikużi, u jagħmilha aktar faċli għall-passiġġieri li jkunu jridu jibdlu l-karozzi tal-linja biex jivvjaġġaw minn u lejn diversi lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiż.

L-istruttura se jkollha rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu min-naħa ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa jew bil-kontra. 

Il-pont ġie ddisinjat b’mod li jkollu impatt mill-inqas fuq il-pajsaġġ tal-inħawi. Se jsirulu wkoll liftijiet u turġien biex żgur ikun hemm aċċess komdu għal kulħadd. 

Intant, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew jaħdmu wkoll il-gverta tal-ħadid ta’ dan il-pont matul it-tieni nofs tas-sena l-oħra. 

Sadanittant bdew ukoll ix-xogħlijiet biex 21 pilastru tal-konkos u l-azzar jitniżżlu diversi sulari taħt l-art bħala pedamenti għall-istruttura tal-pont. Fl-aħħar ftit xhur inbnew ukoll partijiet oħrajn mill-istruttura li jinkludu ir-rampi, turġien u l-kmamar tal-liftijiet. 

Dan il-pont ta’ Blata l-Bajda qed isir b’investiment ta’ madwar €2 miljun.

Ta’ min ifakkar li aktar kmieni din is-sena Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet biex timmodernizza wkoll us-subway ta’ ħdejn Bieb il-Bombi fil-Furjana

Bħalissa qed jinbena wkoll pont ieħor għall-mixi u r-roti fi Vjal l-Avjazzjoni, bejn il-Gudja u Ħal Luqa. 

More in Politika