'Kont ilek sentejn Ministru għall-Ġustizzja u ma wettaqtx dak li ħabbar Abela' - Omtzigt lil Bonnici

Omtzigt qal dan waqt laqgħa f’Kastilja mal-Prim Ministru Robert Abela u diversi membri tal-Kabinett

Pieter Omtzigt ilmenta dwar il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u entitajiet oħra ma ġewx implimentati mill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa tefa’ t-tort l-aktar fuq il-Ministru Owen Bonnici u saħaq li fi żmien li għamel Ministru għall-Ġustizzja ma implimentax il-bidliet li kienu meħtieġa biex Malta ssaħħaħ is-saltna tad-dritt.

Omtzigt qal dan waqt laqgħa f’Kastilja mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri Edward Zammit Lewis, Byron Camilleri, Edward Scicluna, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.

Huwa lmenta għax fi kliemu Malta kaxkret saqajha biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u tal-Greco u l-Moneyval.

Mill-banda l-oħra huwa rrikonoxxa li fl-aħħar ġimgħat l-affarijiet jidhru li bdew jiċċaqilqu.

“Diversi affarijiet serji kienu ħżiena fis-sistema tas-saltna tad-dritt f’Malta, saħaq Omtzigt.

“Qed inħares lejk Owen Bonnici. Kont ilek sentejn Ministru għall-Ġustizzja u ma rajtx ir-riżultati li ħabbar issa Robert Abela,” saħaq Omtzigt

Fi kliemu, Malta hija attiva f’kull settur tal-ekonomija li huwa meqjus li għandu “riskju għoli,” inkluż il-Bitcoin, il-gaming u l-bejgħ tal-passaporti. 

Kien għalhekk li saħaq li f’dan ir-rigward, Malta għandha “problemi serji.”

Waqt li kienu qed jitkellmu fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern mhux se jħalli xejn mistur u jrid jassigura saltna tad-dritt b’saħħitha.

Huwa insista li hemm bidliet li bdew iseħħu, fosthom fil-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, is-separazzjoni tal-irwoli tal-Avukat Ġenerali billi ġie appuntat Avukat tal-Istat u oħrajn.

“Nirrikonoxxi li kien hemm kwistjonijet li tappnu r-reputazzjoni tagħna,” saħaq Abela waqt li insista li għalhekk il-Gvern mhux se jkun qed ikaxkar saqajh.

More in Politika