Louis Galea jiċħad li jrid jew li qed imbuttat biex jieħu post Adrian Delia bħala Kap interim

Fi stqarrija, Galea saħaq li hu ma għandu l-ebda intenzjoni jaċċetta l-ebda kariga fil-partit

L-eks Ministru Nazzjonalista u l-persuna responsabbli mir-riforma tal-Partit Nazzjonalista, Louis Galea, ċaħad kategorikament li qed ikun imbuttat biex jieħu post Adrian Delia bħala kap interim

Fi stqarrija, Galea rreaġixxa għal artiklu fuq iNews dalgħodu li saħaq li l-eks Ministru qed ikun imbuttat biex jieħu post Delia bħala Kap interm u li “bosta huma dawk li qed jappoġjaw il-ħatra ta’ kap interim, b’Louis Galea meqjus bħala l-profil l-aktar addattat għal din il-kariga fil-mument attwali.”

Galea saħaq li ma hemm l-ebda verita f’dan l-artiklu qal li meta laqa’ l-istedina ta’ Delia biex jibda proċess ta’ tiġdid, kien insista li ma għandu l-ebda intenzjoni jaċċetta l-ebda kariga fil-partit, wisq inqas dik ta’ Kap interim.

Saħaq li hu ried biss jgħin fir-rifoma u tiġdid tal-partit “bħala servizz lil Kap Adrian Delia u lill-partit.”

“Jidher biċ-ċar li iNews, u s-sorsi tagħhom, mhuma qed jieħdu gost xejn li l-PN tassew imbarka fuq proċess ta’ tiġdid. Bħal ma ġara fil-passat, min ma jridx il-PN jiġġedded u jissaħħaħ qiegħed b’mod attiv jipprova joskura il-proċess, waqt li fl-istess ħin ifixkel u jimmisinforma lill- membri u kunsilliera tal-partit li fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jridu jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-partit,” insista Galea.

More in Politika