Intervista | Jinkwetani l-marċ li jsir disco jew marċ li jsir bil-kant

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Ray Sciberras, surmast u kompożitur magħruf mad-dilettanti tal-festi f’Malta. X’jaħseb dwar il-baned illum? Il-mużika sagra fil-festi għadha relevanti? X’jippreferi jikteb: innu jew marċ funebru? Kif jikkomponi

Ray Sciberras. Ritratt meħud minn James Bianci
Ray Sciberras. Ritratt meħud minn James Bianci

Jekk hawn surmast li huwa magħruf mad-dilettanti tal-festi f’Malta, bla dubju ta’ xejn li huwa Ray Sciberras. Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet miegħu biex issir tafu aħjar.

Jekk ġeneralment il-mużiċisti jew l-artisti jkollhom storja fil-familja għal Ray Sciberras dan mhux il-każ għax kien l-ewwel persuna fil-familja li qabad strument b’idejh.

Spjega kif missieru, li qatt ma kellu idea tal-mużika u lanqas ma kien midħla tal-każin, kien ħadu jitgħallem il-banda fil-Każin San Ġorġ ta’ Bormla, fejn trabba. Dak iż-żmien kellu għaxar snin.

“Tant kemm lanqas kont naf fejn sejjer li lanqas kelli xi strument favorit,” qalilna s-surmast.

Interessanti li l-ewwel strument li daqq Sciberras illum kważi ġie estint mill-baned Maltin u jissejjaħ saxhorn. “Dak iż-żmien l-istrumenti li kienu jagħtu l-każini ma kinux bħal dawk li jagħtu llum. Kien kollu msewwi. Imbagħad kienu tawni kurunetta u bdejt nitgħallem fuqha.”

Mill-Banda San Ġorġ, Sciberras sab ruħu fil-banda tal-Forzi Armati u hemm beda jdoqq il-baxx.

Qatt ma ħares lura. Fl-1990 sar surmast tal-Banda Maria Mater Graziae ta’ Ħaż-Żabbar u minn hemm ġew oħrajn.

Staqsejtu jekk hux il-mużiċisti kollha jistgħu jsiru surmast ta’ banda jew ta’ orkestra, b’Sciberras mill-ewwel jisħaq li għalih il-kelma surmast hija xi ftit jew wisq goffa għax tfisser li persuna taf kollox.

“Il-baned kulma jkollhom bżonn huwa direttur, min imexxi l-banda. Id-direttur ma hemmx għaliex ikun kompożitur, strumentalista, mużikoloġista jew kantant. Irid ikun kapaċi jmexxi banda,” spjega. “Naturalment jekk tkun direttur u jkollok studju tajjeb fl-armonija, fl-orkestrazzjoni jew tkun kompożitur huma affarijiet li se jgħinuk,” kompla jisħaq waqt li spjega li llum il-ġurnata l-baned ifittxu dawn il-kwalitajiet.

Hawnhekk semma l-mibki tenur Pawlu Axiak. Meta Sciberras kien imur l-iskola St Joseph ta’ Raħal Ġdid, Axiak rah interessat fit-teorija tal-mużika u beda jimbottah ’il quddiem u ħajru jagħmel l-eżamijiet ta’ barra, baqa’ jistudja ma’ għalliema oħra sakemm ġab il-kwalifiċi li għandu llum fl-armonija u l-kompożizzjoni.

Imma surmast jagħmel effett? 

Iżda surmast jagħmel differenza? Banda jew orkestra tgħaddi mingħajru? Beda jispjega li r-rwol tad-direttur mhux minn dejjem kien daqshekk importanti. Fi żmien Mozart, id-direttur ma kienx persuna ċentrali fil-mużika sinfonika. Ħafna drabi, bħal Mozart, kien idoqq xi harpsichord u xi kultant jagħmel sinjal b’idejh lill-bqija tal-orkestra.

Fil-bidu tas-seklu 20, fi żmien Toscanini, l-irwol tad-direttur sar importanti ħafna. Diretturi kbar, bħal von Karajan taw dimensjoni ġdida lil dawn l-irwol u llum id-direttur sar indispensabbli. Fi kliemu, dawn bdew jagħtu interpretazzjoni ġdida lil ċertu xogħlijiet li qabel kienu jinstemgħu mod u taħt idejhom bdew jinstemgħu mod ieħor.

“Inti quddiemek ikollok 60 ruħ, bl-istrument f’idejhom u f’moħħhom kollha għandhom ċertu mod ta’ kif jaħsbu li dik il-mużika għandha tindaqq. Jekk tħallihom waħedhom se jkollok konfużjoni. Hawn jidħol id-direttur. Jgħaqqadhom kollha f’daqqa u jġibhom jaħsbu l-istess,” spjega. “Għalhekk isiru l-provi. Anke jekk qed idoqqu l-istess biċċa mużika, id-direttur jagħti l-interpretazzjoni tiegħu biex ma tkunx bħal ta’ ħaddieħor.”

Sciberras kompla jinsisti li hawn mużika, bħal ngħidu Mozart jew Beethoven li jsiru kuljum fid-dinja. “Jekk qed tagħmilha bħal ta’ qablek ma għandekx interess li ġġib in-nies jisimgħuk. Aqbad żewġ CDs tal-istess sinfonija. Il-ħin qatt ma jkun l-istess,” kompla jisħaq.

Ray Sciberras jidderieġi l-Cappella Diacono
Ray Sciberras jidderieġi l-Cappella Diacono

‘Bdejt mill-banda u tibqa’ parti minn ħajti’

Ray Sciberras ma jidderiġix biss baned, iżda huwa wkoll is-Surmast tal-Cappella Diacono u għalhekk jidderieġi wkoll l-oskestra. X’jippreferi? “Jiena bdejt mill-banda. Il-banda hija parti minn ħajti. Il-banda sabiħa. L-isfortuna hija li jkun hemm min jieħu impressjoni ħażina tal-banda għax jismagħha f’xi marċ ta’ filgħodu, kulħadd idoqq kif irid, min fis-sakra. Iżda meta banda qed iddoqq bilqiegħda, hija armata tajba u bin-nies addattati, il-banda hija sabiħa daqs l-okestra. Ma tistax tħallathom għax differenti,” qalilna.

Fil-fatt Sciberras ħadem f’diversi baned. Beda assistent surmast tal-banda ta’ Bormla, ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u San Gejtanu tal-Ħamrun. Kif spjegalna fl-1990 sar Surmast tal-Banda Mater Gratiae ta’ Ħaż-Żabbar u ftit wara ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun u ta’ Bormla. Wara xi għaxar snin sar ukoll surmast tal-banda Beland taż-Żejtun u tal-Mosta Santa Marija. 

“Mit-Tnejn sal-Ġimgħa ridt immur kuljum f’xi każin tal-banda... Jiena dejjem kont nisħaq li banda ma għandhiex tinżamm biss għall-festa. Il-banda nippruvaw nużawha matul is-sena kollha u nsibu kull skuża biex indoqqu. Kont attiv ħafna.”

Mill-1992 beda jgħallem ukoll il-mużika f’De La Salle u għalhekk il-mużika saret l-impjieg prinċipali tiegħu. Kien hawn li staqsejtu jekk tistax tgħix biss bil-mużika f’Malta, bis-surmast jisħaq li trid tkun iffortunat. 

“Lill-istudenti hekk ngħidilhom; jekk jirnexxilkom issibu xogħol fil-mużika aħtfuh għax sabiħ. Iżda mhux faċli. Aħna żgħar,” qalilna.

Ninkwieta nara banda ddoqq live fuq planċier b’żewġ tużżani nies quddiemha u mbagħad mijiet ta’ nies f’xi għalqa jaraw spettaklu pirotekniku, b’mużika rrekordjata

Illum il-ġurnata Sciberras naqqas ħafna mill-baned, anke għax ġietu l-proposta li jieħu f’idu l-Cappella Diacono li issa ilu jmexxi mill-2016. “Il-mużika sagra minn dejjem kont inħobbha iżda qatt ma kont midħla tagħha minħabba l-baned,” kompla jisħaq.

Għal Sciberras dan kien unur għax kien ifisser li jmexxi l-mużika fil-ġranet tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla, belt twelidu. 

“Minn meta kont żgħir kont immur il-quddiesa tal-festa, imbagħad meta qed tidderiġiha inti xi ħaġa sabiħa wisq,” qalilna. Kien hawn li ddeċieda li jitkellem mal-baned biex fis-skiet, mingħajr ħafna pompa, jgħaddi l-bakketta lil ħaddieħor. Mhux kulħadd aċċetta, bħall-banda Beland u l-banda Santa Marija tal-Mosta. 

‘Bħalma fil-festa tarma lampir tal-fidda biex tiddandan bih, hekk ukoll il-mużika’ 

Qlibna d-diskors u bħala surmast tal-Cappella Diaconi staqsejtu x’jaħseb dwar il-mużika fil-knejjes fil-ġranet tal-festa. Għadha relevanti? Dan il-ħafna tul u Latin għadu jagħmel sens?

Sciberras beda jwieġeb billi saħaq li dan l-aħħar reġa’ kien hawn qawmien ta’ din il-mużika sagra, wara snin li xi ftit jew wisq bdiet tingħata l-ġenb.

“Mhux għax il-mużika ma kinitx tajba jew rilevanti. Bdiet issib oppożizzjoni interna. Eżempju jkollok kappillan li jkollu mentalità li tkun favur tip ta’ mużika oħra. Ma nara xejn ħażin fiha, imma qisek qed taqla’ ħaġa biex iddaħħal xi ħaġa oħra. Imbagħad ikun hemm min iġiblek l-iskuża li n-nies ma għadhomx jiġu,” qalilna Sciberras, iżda insista li fl-aħħar mill-aħħar jekk qed nagħmlu Għasar solenni, qed nagħmluh “għall-Mulej,” u mhux għan-nies.

“Sakemm tneħħi Għasar ta’ Nani, ta’ Diacono jew Bugeja u għamilt ieħor modern mhux ħażin lanqas. Probabbilment qabel l-Għasar ta’ Diacono, kien hemm ieħor. Din hija xi ħaġa li tevolvi. L-importanti li jsir u jsir sewwa,” qalilna. “Ovvjament skont xi tneħħi. Nieħdu Bormla. Jekk tneħħi wieħed mis-salmi forsi jkun hemm nofs tużżana li jindunaw. Imma jekk tneħħi l-antifona jew il-quddiesa l-kbira anke d-dubbien jinduna.”

Madanakollu, insista li ma jaqbilx ma’ min jgħid li din il-mużika ma għadhiex relevanti. “Bħalma għandek lampier antik li fil-festa toħorġu biex tiddandan bih, anke l-mużika tal-festa trid tiddandan biha. Anke l-Latin. Lanqas jien ma nifhmu, imma huwa l-lingwa tal-Knisja. Imbilli l-erbat ijiem tal-festa nħalluhom bil-Latin u ma nifhmux kollox mhux se taqa’ d-dinja,” insista s-surmast.

Kien hawn li saħaq li reġa’ hawn ċertu qawmien fejn tidħol il-mużika sagra. Ma jiddejjaq xejn li jkun hawn min, pereżempju, ibiddel l-Għasar u jagħmlu bil-Malti, iżda saħaq li l-mużika trid tinkiteb ġdida u mhux taqbad il-mużika ta’ Nani jew Diacono u tuża lilha.

“Il-Malti joqgħod ma’ mużika ġdida. Mhux tippostja l-Malti b’mużika bil-Latin. L-idjoma ma taqbilx. Il-mużika ta’ Diacono mal-Malti ma toqgħodx,” qalilna Sciberras.

‘B’marċ ma għandekx tgħajjar u ddejjaqni l-mużika mal-piroteknika’

Staqsejtu jekk tinkwetahx il-mużika moderna fil-knisja jew inkella marċ li jinbidel f’disco. “Iva. Tinkwetani. Jinkwetani l-marċ li jsir disco jew marċ li jsir bil-kant għax x’aktarx li biex ngħajru lil dak jew lill-ieħor. Il-banda għandha ħafna aktar x’toffri u ma għandhiex għaliex taqa’ għal dawn il-livelli biex bil-mużika ninsulentaw u nweġġgħu lil ħaddieħor,” saħaq Sciberras. “Flok tisma’ l-banda u tieħu gost bil-marċi tiegħek tara b’dak il-marċ kif se tweġġa’ lil ta’ faċċata.”

Ma waqafx hawn. Lil Sciberras idejqu wkoll il-fatt li tintuża l-mużika mal-piroteknika. “Jiena ma naċċettax li l-1812 ta’ Tchaikovsky tinstema’ sabiħa għax hemm il-murtali telgħin magħha. Jekk xejn, bil-kontra,” insista s-Surmast. “Ninkwieta nara banda ddoqq live fuq planċier b’żewġ tużżani nies quddiemha u mbagħad mijiet ta’ nies f’xi għalqa jaraw spettaklu pirotekniku, b’mużika rrekordjata.”

Mill-banda l-oħra saħaq li ma jiddejjaq xejn li l-banda ddoqq mużika moderna. “Il-banda hija versatili ħafna,” insista s-surmast. “Jien stess inħobb mużika ta’ films, musicals jew medleys. Fl-1992 kont għamilt medley ta’ Queen. Din is-selezzjoni għadha tindaqq sal-lum. Nirrikonoxxi li l-Queen kellhom mużika tajba. Bħala rock band kienu eċċezzjonali.”

Għamel spunt ieħor. “Il-mużika hija tan-nies. Jekk se mmur fil-pjazza u nagħmel kunċert bil-banda mhux bħal meta qiegħed fit-teatru. Hemm gosti differenti. Ikun hemm min jiġi bilfors għax ikun mistieden. Għalhekk trid tvarja l-programm biex tolqot il-gosti ta’ kulħadd,” saħaq Sciberras. “Skont fejn tkun ukoll. Altru qed tagħmel programm organizzat bin-nies bilqiegħda u altru qed iddoqq fil-festa, taħt kampnar, bil-qniepen idoqqu u ddoqq biċċa mill-Aida. Ma jkunx jagħmel sens.”

‘Il-kompożizzjonijiet kollha qishom it-tfal tiegħi kollha’

Sciberras huwa kompożitur. Kiteb marċi, marċi funebri u innijiet li huma popolari.

Spjega kif beda mix-xejn. Jiftakar kif meta kien żgħir kien jisma’ xi biċċa mużika, jipprova jiktibha, jorkestraha u jistieden lil xi erba’ bandisti tfal sħabu u jagħmlu attaparsi kunċert. 

“Flok nilgħab bil-karozzi, kont nilgħab bl-istrumenti.” Fi kliemu aktar ma kienet tkun ikkumplikata xi biċċa mużika, aktar kien jaffaxxina ruħu u kien jistaqsi ’l hemm u ’l hawn biex jifhem. Meta kien żgħir ma tantx kellu gwida, sakemm beda jitgħallem għand kompożituri bħal Carmelo Pace u Pawlu Grech. “Imma bdejt waħdi.”

L-ewwel ma kiteb kien marċ. “Ma niddejjaqx ngħid. Hawn min jaħseb li għax tikteb marċ tkun ta’ klassi inferjuri. Anke Verdi kiteb il-marċi,” saħaq Sciberras. Fl-ewwel wieħed għenu ftit is-Surmast Karmenu Vella. Iżda mat-tieni wieħed telaq għal rasu u ftit wara kiteb l-ewwel marċ funebru. 

F’Malta ssuq huwa żgħir u għalhekk kompożitur irid jistudja u jitgħallem iżjed biex ikun kapaċi jikteb kollox. “Trid tikkompeti. Illum mhux mal-Maltin biss imma mad-dinja,” saħaq Sciberras. 

Meta staqsejtu, ma kienx kapaċi jagħżel kompożizzjoni favorita. “Il-kompożizzjonijiet kollha qishom it-tfal tiegħi. Dejjem nittama li l-isbaħ u l-aqwa għadni rrid niktibha.”

Il-marċ funebru huwa l-ħoss kiebi li jferraħ in-nies

Jidher iżda li l-marċi funebri huma għal qalbu ħafna. Fi kliemu, il-marċ funebru huwa “l-ħoss kiebi li jferraħ in-nies.”

“Hawn min idoqqhom is-sena kollha. Anke wiċċhom tarahom. Iferraħ in-nies aktar minn marċ brijuż. Il-marċ brijuż sar il-ħoss li bih irrid ninkik u mhux biex nieħu gost bih,” saħaq Sciberras.

Ħaġa li tolqtok fil-kompożizzjonijiet ta’ Sciberras hija l-ħlewwa. Il-mużika hija tal-widna u tarafha. Apparti li fi kliemu, dan huwa l-akbar kumpliment li jista’ jaqla’, insista li importanti li takkwista stil. 

“Meta nikteb inżomm f’moħħi li x-xogħol irid ikun familjari imma mhux mistenni fl-istess ħin,” qal is-surmast. “Għandek proċess. Min qed jisma’ x-xogħol tiegħek l-ewwel irid jifhem. Imbagħad irid iħoss. Tkun tlajt livell ieħor. Immanipulajtu bil-ħoss, qabbiżtlu demgħa jew ġegħeltu jidħaq. L-aħħar livell huwa li ġġiegħlu jara meta dan mhu qed jara xejn. Il-pittura taraha u tibqa’. Il-ħoss smajtu u jitlaq. Għalhekk trid tolqot bih.”

‘Il-baned ma għandhomx jispiċċaw barranin f’darhom stess’

Fl-aħħar nett staqsejnieh dwar il-konkorrenza għat-tagħlim tal-mużika fil-każini tal-banda. Waqt li faħħar l-għajnuna li qed jirċievu l-baned, anke permezz ta’ fondi, ammetta li hemm ċertu rħula li qed ibatu. 

“It-tfal ma għadx għandhom il-każin tal-banda biss,” saħaq Sciberras waqt li appella lill-każini biex ikunu aktar stretti. “Tifel ta’ nursery tal-futbol ma jitħalliex jilgħab jekk ma jmurx għat-taħriġ. Il-baned huma aktar laxki.”

Fl-aħħar nett temm jappella biex il-baned ma jispiċċawx barranin f’darhom stess. Illum il-każini tal-banda ma għadhomx tal-banda biss iżda wħud minnhom għandhom ukoll in-nar jew l-armar u jinkwetah il-fatt li xi drabi, il-banda ma għadhiex il-prijorità.

More in Politika