Prosekuturi Franċiżi jinvestigaw l-assi fi Franza ta' Yorgen Fenech

L-għan ta' din l-investigazzjoni huwa biex jiddeterminaw jekk id-dħul minn dawn l-assi ntużax biex jitħallas il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech li qed ikun akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia qed ikun investigat fi Franza wkoll, bil-prosekuturi jridu jiddeterminaw jekk id-dħul mill-assi tiegħu fi Franza ntużawx biex jiffinanzja l-assassinju.

Fenech huwa wieħed mis-sidien ta' lukanda fi Franza u għandu numru ta' stalel fejn iżomm iż-żwiemel tat-tiġrija.

Lura f'Diċembru, meta Fenech kien arrestat u akkużat il-Qorti, il-familja Caruana Galizia, flimkien ma' Reporters Without Borders, għamlu talba biex ikunu investigati dawn l-assi.

L-għan tal-familja u Reporters Without Borders huwa li jiddeterminaw jekk l-assi ta' Fenech intużawx għal skopijiet ta' korruzzjoni u biex ikun iffinanzjat l-assassinju ta' Caruana Galizia.

Il-prosekuturi Franċiżi qalu li l-investigazzjoni tagħhom se tkun qed issir b'koperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin u li r-riżultati tal-istess investigazzjoni se jkunu qed jgħadduhom lill-investigaturi Maltin ukoll.

More in Politika