'Se nkun il-vuċi kontra kull tip ta' vjolenza' - Il-Kummissarju l-ġdid kontra l-vjolenza domestika

Fi stqarrija l-Gvern saħaq li jinsab kommess ikisser din 'il-pjaga soċjali'

Audrey Friggieri ġiet maħtura bħala l-Kummissarju l-ġdid fil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.

Ħabbru dan il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rosianne Cutajar.

Friggieri hi għalliema, gradwata fil-psikoterapija tal-familja sistematika, u b’masters fl-edukazzjoni tal-adulti.

Bħalissa hija qed tagħmel dottorat, bir-riċerka tagħha hi dwar l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola u jispiċċaw mingħajr esperjenza, skola u xogħol. Taħdem ukoll bħala lettur fil-Fakultà tal-Benesseri Soċjali u kitbet diversi kotba bil-Malti kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti

Fl-istqarrija, il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, flimkien mal-Kummissarju l-ġdid għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri, tennew l-impenn tagħhom li jaħdmu aktar favur il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza.

“Il-gvern hu determinat li jkompli jagħmel trasformazzjoni soċjali fejn meħtieġ, biex inkissru din il-pjaga soċjali. Kommessi li nkomplu nsaħħu l-ħidma ta’ din il-kummissjoni biex ikollha iktar ħidma effettiva f’dan ir-rigward,” saħqet l-istqarrija.

Fil-kummenti tagħha, il-Kummissarju l-ġdid għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri saħqet li se tkun vuċi soda kontra kull tip ta’ vjolenza, u ħa taħdem bla waqfien biex il-Kummissjoni tkompli bl-implimentazzjoni tal-istrateġija skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, filwaqt li jiżdied aktar taħriġ għall-professjonisti kollha li jaħdmu mill-qrib ma’ dawn il-vittmi.

More in Politika