Il-Kummissarju tal-Istandards jgħid li setgħet inkisret l-etika fuq allegati messaġġi bejn negozjant u Cardona

 ... imma jgħid ukoll illi ma setax isib prova ta' allegati konverżazzjonijiet bejn Cardona u Luke Fenech u bejn Cardona u l-eks Ministru Konrad Mizzi

L-eks Ministru Chris Cardona
L-eks Ministru Chris Cardona

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, qal “li ministru jiltaqa’ waħdu, b’mod informali, ma’ persuna midħla sew tan-negozju, b’familjarità żejda, inevitabbilment jagħti lok għas-suspetti.  F’dawn il-każijiet ikun aktar għaqli li l-laqgħa tkun waħda formali fil-preżenza ta’ uffiċjali."

Hyzler sostna dan fid-dawl ta' każ fejn l-imprenditur Luke Chetcuti deher f’filmat waqt programm Franċiż, bl-isem Ligne de Front, jgħid li kien iltaqa’ mal-Ministru Chris Cardona u talab l-għajnuna tiegħu biex jakkwista parti mill-bajja ta’ San Ġorġ bħala konċessjoni. 

Il-Kummissarju jkompli jgħid illi skont kif jallega Chetcuti fil-filmat, il-Ministru Cardona minnufih bagħat messaġġ lill-Ministru Konrad Mizzi biex jitlob l-għajnuna tiegħu dwar il-konċessjoni għax il-familja Chetcuti “dejjem għenuna”. Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru għat-Turiżmu, allegatament wieġeb billi qal illi "ll-bajja naqra żgħira imma naraw x’nagħmlu biex inkabbru l-bajja.”

Dan il-filmat wassal lill-eks Kandidattal-Aalternattiva DemokratikaArnold Cassola biex jissottometti ilment lill-Kummissarju kontra l-Ministri Cardona u Mizzi talli kienu lesti jiffavorixxu imprenditur b’riżorsi pubbliċi talli għen il-partit politiku tagħhom. 

Fir-rapport tiegħu dwar il-każ, il-Kummissarju sab li l-allegat skambju ta’ messaġġi bejn il-Ministri Cardona u Mizzi kien jirrappreżenta ksur potenzjali ta’ etika min-naħa tal-Ministru Cardona iżda mhux il-Ministru Mizzi. "Dan minħabba li fir-risposta li huwa allegatament bagħat lill-kollega tiegħu, il-Ministru Mizzi ma kkommettiex ruħu favur l-għoti ta’ konċessjoni fil-bajja. Qal biss li konċessjoni mhix possibbli fil-bajja kif inhi, u ma mpenjax ruħu biex ikabbarha."

"Madankollu, la Chetcuti u la l-Ministri konċernati ma ammettew li kien sar verament l-iskambju ta’ messaġġi," ifakkar il-Kummissarju.

Fil-fehma tal-Kummissarju dawn iċ-ċaħdiet ma kinux konvinċenti, iżda huwa ma setax jiġbor provi dwar l-iskambju ta’ messaġġi. Fakkar kif bil-liġi, il-kontenut ta’ messaġġi elettroniċi ma jinżammx, u dawk id-dettalji li jinżammu jistgħu jiġu rilaxxati biss għall-finijiet ta’ stħarriġ jew prosekuzzjoni ta’ reati gravi kriminali.

More in Politika