'Qed nibdew naqtgħu qalbna fuq il-vjolenza domestika'

Rosianne Cutajar tgħid illi din mhix biss kwistjoni ta' leġiżlazzjoni, imma wkoll ta' "mentalità Mediterranja, misoġinista u sessista."

Lara Dimitrijevic mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa
Lara Dimitrijevic mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa

Waqt laqgħa mal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar numru ta' NGOs, primarjament vittma tal-vjolenza domestika, sostnew illi qed jitilfu t-tama li tkun miġġielda din il-ferita b'dik li sejħu sistema li ma tipproteġix lin-nisa b'mod adegwat. 

"In-nisa ma jħossuhomx siguri, lanqas meta jmorru għand l-awtoritajiet għax xorta jispiċċaw mejta. Ma nafux x'se naqbdu ngħidulhom aktar lill-vittmi, jekk imorrux il-Qorti jew għand il-Pulizija," sostniet l-istess vittma li hija wkoll kelliema għall-għaqda SOAR

Din il-laqgħa saret fil-kuntest ta' qtil li seħħ nhar il-Ħadd li għadda, b'raġel jattakka b'sikkina lill-eks maħbuba tiegħu f'Ħaż-Żabbar, reat li hu qed jgħid li mhux ħati għalih. 

Is-Segretarju Parlamentari  Cutajar qalet illi din mhix biss kwistjoni ta' leġiżlazzjoni, imma wkoll ta' "mentalità Mediterranja, misoġinista u sessista."

Zammit Lewis qabel illi apparti leġiżlazzjoni hemm bżonn edukazzjoni u taħriġ għall-pulizija. "Kien hemm żmien fejn ikkunsidrajna pieni iktar ħorox għal dawn it-tip ta' reati, imma dawn ma ħadmux. Ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul kien pass fid-direzzjoni t-tajba imma jeħtieġ ninvestu aktar," ammetta l-Ministru.

Fost l-għaqdiet preżenti kien hemm il-Moviment Graffitti, il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u dik tal-Ġeneru, SOAR, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u Women for Women.

Il-laqgħa ma' Zammit Lewis u Cutajar
Il-laqgħa ma' Zammit Lewis u Cutajar

It-tieni parti tal-laqgħa kompliet bil-bibien magħluqin, fl-assenza tal-midja. 

More in Politika