Irtirata n-nomina ta' Mizzi għall-OSCE; Jintalab ukoll parir legali dwar il-kuntratt ta' €80,000 mal-MTA

Ħmistax wara li rriżenja minn Ministru, Konrad Mizzi ngħata kuntratt ta' konsulenza mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li għalih kien se jieħu €6,700 fix-xahar

Se tiġi rtirata l-mozzjoni dwar il-ħatra tal-eks Ministru Konrad Mizzi bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Organizazzjoni dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)

Il-Gvern qal dan fi stqarrija li fiha ġie spjegat ukoll kif intalab parir legali dwar il-validità ta' kuntratt ta' konsulenza li ġie mogħti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu lill-istess Konrad Mizzi f'Diċembru 2019, jiġifieri wara li rriżenja minn Ministru.

Dan il-kuntratt kien se jfisser €80,000 fis-sena għall-eks Ministru għat-Turiżmu.

“Il-Prim Ministru Robert Abela se jkompli juri li dan il-Gvern qiegħed jagħti priorità assoluta għal governanza ġusta biex pajjiżna jkun f'pożizzjoni li jimplimenta b’mod iktar effettiv il-ħidma tiegħu barra minn Malta,” insistiet l-istqarrija.

Il-mozzjoni ġiet irtirata inqas minn 24 siegħa wara li sar magħruf li Konrad Mizzi, li flimkien mal-eks Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri, kien fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama, kien se jkun maħtur bħala kap tad-delegazzjoni Maltija tal-OSCE.

Mizzi rriżenja minn Ministru f’Novembru tal-2019 wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u s-sid tal-kumpanija 17 Black, li l-kumpaniji ta’ Mizzi u Schembri fil-Panama kienu meqjusa ‘target clients’ tagħha.

Times of Malta żvelat ilbieraħ filgħaxija li ħmistax wara li rriżenja minn Ministru għat-Turiżmu, Mizzi ngħata kuntratt ta’ konsulenza mal- Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li għalih kien se jieħu €6,700 fix-xahar.

F’kummenti mal-MaltaToday, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet li saret taf b’dan il-kuntratt ilbieraħ stess.

Fost oħrajn, dan l-istess kuntratt jintitola lil Mizzi għal vettura bix-xufier iżda jista’ jagħżel li minflok jieħu €11,400 jekk juża l-karozza tiegħu.

More in Politika