Il-PM jafda r-regolatur tal-kaċċa f'id il-Ministru għal Għawdex; 'Deċiżjoni dijabolika,' tgħid Birdlife

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri huwa kaċċatur hu nnifsu

BirdLife Malta kellha kliem iebes għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jpoġġi lir-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex u mhux taħt il-Ministeru għall-Ambjent.

Fil-fatt, BirdLife Malta, iddeskriviet din id-deċiżjoni bħala waħda dijabolika u “purament elettorali.”

Kienet MaltaToday li żvelat kif ir-regolatur tal-kaċċa għadda taħt il-Ministeru għal Għawdex, jiġifieri taħt il-Ministru Clint Camilleri.

Camilleri, li hu stess huwa kaċċatur, kellu Taqsima tar- Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi taħt idu meta sa ftit tal-jiem ilu kien Segretajru Parlamentari għad-drittijiet tal-annimali, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, fil-kabinett ta’ Joseph Muscat.

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta saħaq li din id-deċiżjoni tibgħat messaġġ ħażin

“Bħala l-ikbar NGO ambjentali f’Malta, BirdLife Malta kienet tittama li l-Prim Ministru Robert Abela jirrispondi għall-preokkupazzjonijiet ambjentali u jgħaddi r-responsabbiltà tal-kaċċa u l-insib lil Ministeru li jħaddan l-ambjent, u mhux lil-lobby tal-kaċċa u l-insib,” insistiet fi stqarrija.

L-organizzazzjoni fakkret lil Abela li Malta qed  tiffaċċja Proċeduri ta’ Ksur fuq livell tal-UE b’rabta mad-deċiżjoni li tiftaħ l-insib għall-għasafar tal- għana u għall-insistenza tagħha li tippermetti l-insib għal speċi oħrajn.

“Aktar minn hekk BirdLife Malta tittama li l-Prim Ministru hu konxju sew tal- proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet soġġettiv li jitħaddem fil-WBRU u l- preżenza qawwija ta’ kaċċaturi u nassaba li hemm f’din it-taqsima,” tkompli l-istqarrija waqt li ttemm tħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jerġa’ jikkunsidra din id-deċiżjoni.

More in Politika