Minn Kastilja għall-futbol? Muscat mistenni jgħin fi proġett biex tim Malti jintbagħat jikkompeti l-Italja

Muscat ma ċaħadx dan u hu mifhum li kellu taħdidiet mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol bil-għan li jkun involut f’dan il-proġett

Joseph Muscat u Bjorn Vassallo
Joseph Muscat u Bjorn Vassallo

Jidher li kif qal fl-aħħar ġimgħat, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jinvolvi ruħu fl-isports u x’aktarx li se jkun qed jieħu sehem fi proġett biex itella’ tim Malti jikkompeti fis-Serje Ċ Taljana (simili għat-third division).

Ikkuntatjat mill-MaltaToday, Muscat ma ċaħadx dan u hu mifhum li kellu taħdidiet mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol bil-għan li jkun involut f’dan il-proġett.

Muscat iltaqa’ mal-President tal-MFA Bjorn Vassallo f’Ta’Qali din il-ġimgħa stess.

Fl-aħħar diskors tiegħu, Muscat, filwaqt li saħaq li se jibqa’ backbencher, qal li qed jippjana biex jinvolvi lilu nnifsu fis-settur sportiv.

“Mhu qed nagħti l-ebda kummenti lill-midja f’dan l-istadju,” saħaq Muscat mal-MaltaToday anke jekk qal li se jkun qed iħabbar il-pjanijiet tiegħu meta jkun il-waqt.

Anke Bjorn Vassallo naqas milli jagħti dettalji dwar l-involviment ta’ Muscat f’dak imsejjaħ ‘Lega Pro’ project.

Il-pjan huwa li jkun iffurmat tim tal-futbol Malti, magħmul, minn tal-inqas, minn 10 Maltin, biex jikkompetu fil-league professjonali Taljan tas-Serje Ċ.

Vassallo tkellem kemm-il darba dwar l-intenzjoni tiegħu li jibgħat żewġ timijiet Maltin jikkompetu l-Italja.

It-tieni tim se jkun wieħed magħmul minn plejes ta’ taħt id-19-il sena li se jikkompetu fil-Campionato Nazionale Dante Berretti.

Iż-żewġ timijiet se jkunu mmaniġġjati minn staff professjonali Taljani taħt is-superviżjoni tal-coach nazzjonali Devis Mania li mistenni jkun żvelat lill-midja fis-sigħat li ġejjin.

More in Politika