Cardona jisħaq li kien hu li informa lill-PM li ma xtaqtx jibqa' Ministru

Chris Cardona saħaq li informa lill-PM li xtaq jiffoka aktar il-ħidma tiegħu fuq il-Partit Laburista

Ritratt li ppubblika fuq Instagram l-eks Prim Ministru waqt li l-kabinett kien qed jieħu l-ġurament
Ritratt li ppubblika fuq Instagram l-eks Prim Ministru waqt li l-kabinett kien qed jieħu l-ġurament

Chris Cardona qal li kienet deċiżjoni tiegħu li ma jkunx parti mill-kabinett ta’ Robert Abela.

Mistoqsi mill-MaltaToday, Cardona qal li kien hu li informa lill-Prim Ministru li ma xtaqx li jżomm postu fil-kabinett.

B’dan il-kumment, l-eks Ministru għall-Ekonomija xejjen xniegħat li kienu qed jisħqu li rrifjuta li jkun parti mill-kabinett għax ma għoġbux il-ministeru li kien qed joffrilu l-Prim Ministru. 

Fil-kummenti tiegħu, Cardona saħaq li ddeċieda li jagħmel dan biex jiffoka aktar il-ħidma tiegħu fuq il-partit u dan għax huwa wkoll id-Deputat Mexxej.

Insista li dan se jagħtih ukoll ċans li jkollu aktar ħin mal-familja.

“Il-Prim Ministru qalli li ridni nibqa’ u nkompli xogħli, iżda aċċetta wkoll id-deċiżjoni tiegħi ma jkollix rwol ta’ ministru,” saħaq Cardona. 

Insista li hu se jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista.

“Il-Prim Ministru, li huwa wkoll il-mexxej tal-partit qal li l-partit jeħtieġ xi ħadd bl-esperjenza tiegħi biex ikompli jgħinu jimxi ‘l quddiem u jiena kuntent li nagħmel dan,” kompla jgħid.

Mistoqsi hux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Cardona saħaq li għadu ma ħax deċiżjoni.

“Nara aktar ‘il quddiem. Kollox jiddependi minn dak li jrid il-partit,” kompla jgħid.

Fil-ħin li l-kabinett kien qed jieħu l-ġurament, Joseh Muscat tefa’ ritratt fuq Instagram, tiegħu ma’ Cardona. 

Wieħed minn dawk li għamel ‘like’ tal-post kien Keith Schembri.

More in Politika