Il-Prim Ministru jisħaq li ma kienx komdu b'Nexia f'Kastilja

Jinsisti li ċ-Chief of Staff tiegħu għandu biżżejjed kredenzjali biex ma jkunux ripetuti l-istess żbalji

Il-Prim Ministru Robert Abela, waqt l-ewwel intervista tiegħu fuq l-istazzjon nazzjonali ftit li xejn dar mal-lewża u qal ċar u tond li ma kienx komdu bil-fatt li Nexia BT f'Kastilja.

“Ma kontx komdu bil-ħsara li ġabet lir-reputazzjoni ta’ Malta,” saħaq Abela waqt li insista li l-Kap tas-Segretarjat tiegħu għandu l-kredenzjali biex dan ma jiġix f'dik is-sitwazzjoni ta' kunflitt. 

Din kienet waħda mill-aktar dikjarazzjonijiet b'saħħithom ta' Abela waqt li kien qed iwieġeb lil Reno Bugeja waqt Dissett. Fost oħrajn tkellem dwar il-fatt li Joseph Muscat se jkun qed iżomm postu bħala backbencher.

Mistoqsi dwar jekk Muscat żammx postu fil-Parlament biex jikkampanja favur l-abort bħala dritt ċivili, Abela qal ċar u tond li anke jekk Muscat jagħmel dan, se jsib lilu jopponih. 

Mistoqsi dwar il-kabinett il-ġdid u l-fatt li biddel ħafna minn dak ta' qablu, Abela, li bħala konsulent legali tal-Kabinett kien ikun preżenti għal-laqgħat, saħaq li seta’ jinnota li kien hemm backbenchers li kellhom ideat tajbin ħafna dwar ċertu kwistjonijiet iżda l-potenzjal tagħhom ma kienx qed jintuża.

“Innutajt li l-livell ta’ diskussjoni fuq ċertu policies fil-grupp parlamentari kien ikun ogħla mid-diskussjoni f’Kastilja,” insista Abela.

Kien għalhekk li ddeskriva l-Kabinett tiegħu bħala taħlita ta’ ideat ġodda u esperjenza.

“Mhux se nittollera żbalji li mhumiex onesti,” insista Abela ċar u tond huwa u jitkellem dwar l-irwoli l-ġodda tad-Deputati tiegħu.

Mistoqsi dwar il-fatt li Adrian Delia qal li se jkun qed jippreżentalu proposti dwar il-governanza t-tajba, Abela saħaq li mhux se jieħu “lezzjonijiet” mingħandu, anke jekk insista li hu dejjem lest għad-diskussjoni. 

Tkellem dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u anke l-każ li għaddej fil-Qorti dwar il-ħatra tal-ġudikanti.

Insista li huwa ironiku li Repubblika qed tattakka metodu li fi kliemu huwa ħafna aħjar minn dak li kien hemm qabel l-elezzjoni tal-2013.

Qal ukoll li dwar il-governanza tajba huwa qed jitkellem l-istess lingwa ta’ Repubblika u kien għalhekk li appella għall-koperazzjoni.

Insista li mhux se jiddejjaq, anzi qal li għandu l-kuraġġ, jieħu ċertu deċiżjonijiet li jeħtieġ jittieħdu. 

More in Politika