'Il-PN għandu bżonn enerġija ġdida u preżenza ta' żgħażagħ' - Kunsillier wara l-ħatra tal-kabinett

Wara l-ġurament ta' kabinett 'żagħżugħ,' Jerome Caruana Cilia jisħaq li n-nies iridu jaraw fil-PN uċuh ġodda u żgħażagħ

Waħda mill-aktar affarijiet li spikkat fil-kabinett il-ġdid ta’ Robert Abela huwa l-fatt li d-Deputati żgħar u żgħażagħ kollha ngħataw karigi importanti, b’ħafna mill-membri tal-kabinett għandhom inqas minn 40 sena.

Dan ġie nnutat ukoll mill-Kunsillier u l-preżentatur ta’ NET FM Jerome Caruana Cilia li ddeskriva dan il-kabinett bħala fiduċja fiż-żgħażagħ.

Kien għalhekk li appella lill-Partit Nazzjonalista biex anke hu jagħti akar prijorità liż-żgħażagħ, bil-għan li wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ikollu “enerġija ġdida u preżenza ta' żgħażagħ.”

Insista li kemm-il darba tkellem dwar dan il-punt inkluż internament.

“Il-karba ta' bosta persuni li niltaqa' magħhom waqt il-home visits u anke kunsilliera tal-Partit, hi li jridu jaraw aktar uċuh ġodda u żgħażagħ. In-nies iridu ilħna ġodda u ideat friski jirrappreżentawhom u ċerta riżultati tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali huma turija ta' dan,” insista Caruana Cilia.

More in Politika