'Dan hu Kabinett b'demm ġdid u enerġija ġdida li se jħares lejn il-futur' - PM

Il-Prim Ministru jgħid illi hu ħatar Kabinett li qed iħares lilhinn mis-sentejn u nofs li għad fadal sal-elezzjoni ġenerali

Il-PM jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet
Il-PM jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet

F'konferenza ftit wara l-ġurament tal-ħatra tal-Kabinett il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Kabinett li ħatar, "se jagħti sinjal b'saħħtu ta' Gvern li qed iħares lilhinn mis-sentejn u nofs li ġejjin. Dan hu Kabinett b'demm ġdid u enerġija ġdid.  Dan huwa Kabinett li qed iħares lejn il-futur."

"Il-poplu Malti issa għandu serħan il-moħħ li fejn konna serjin tajjeb se nibnu, filwaqt li nindirizzaw kwistjonijiet skont l-aspirazzjonijiet tan-nies," qal Abela. 

Huwa qal li l-Kabinett li għażel qed jagħmel emfasi qawwija fuq l-akkomodazzjoni soċjali, tant li se jkun hemm Ministru ddedikat fuq dan is-suġġett waħdu. Fakkar ukoll illi l-ġustizzja u l-governanza tpoġġew flimkien u fit-twaħħid bejn l-ippjanar u l-ambjent.

"Ninsabu f'pożizzjoni b'saħħitha biex pajjiżna jkompli miexi 'l quddiem.  Huwa f'dan il-kuntest li ħadt id-deċiżjonijiet li kellu nieħu," sostna l-Prim Ministru. 

"Aġixxejt skont l-aħjar interess tal-pajjiż," temm jgħid Abela. 

 

More in Politika