Simon Busuttil se jirriżenja minn Deputat hekk kif se jsir Segretarju Ġenerali tal-PPE

Simon Busuttil b'ħatra prestiġjuża fil-Partit Popolari Ewropew

Simon Busuttil mhux se jibqa' Deputat fil-Parlament Malti hekk kif se jkun qed jieħu kariga għolja fil-Partit Popolari Ewropew, bħala Segretarju Ġenerali.

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jokkupa din il-kariga minn Marzu li ġej, bil-bidliet allura mistennijin iseħħu malajr hekk kif il-Partit Nazzjonalista jkun jeħtieġ jimla' s-siġġu Parlamentari ta' Busuttil. 

Simon Busuttil kien elett fl-elezzjoni tal-2017 b'20,655 vot, li inkisbu hekk: 9,389 vot mit-12-il distrett u 11,266 vot mill-11-il distrett. 

Busuttil waqqa' l-11-il distrett biex minfloku bil-by election kienet eletta Maria Deguara. 

Hu kien elett Kap Nazzjonalista fl-2013 meta kienet saret elezzjoni li l-PN kien tilef bi ftit aktar minn 35,000 vot. Busuttil iffaċċja żewġ testijiet elettorali li t-tnejn tilef bil-qawwi, kemm l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 u anke l-elezzjoni ġenerali tal-2017, meta l-PN sofra minn telfa rekord oħra ta' 35,200 vot. 

Busuttil kien iġġieled b'qawwa liema bħalha lill-Gvern u speċjalment lil Joseph Muscat fuq il-korruzzjoni, bl-għajta 'Jiena nagħżel Malta'. 

Busuttil kien l-aktar Membru Parlamentari Ewropew popolari tal-Partit Nazzjonalista u l-aktar kandidat li qatt kiseb voti f'elezzjoni tal-Parlament Ewropew.  Fil-fatt, hu kien kiseb 68,782 vot fl-elezzjoni tal-2009. 

More in Politika