Il-WSC tiżvela kif qed jintrema’ skart tal-irziezet fid-drenaġġ f’Għawdex

Il-Korporazzjoni fakkret li nefqet l-eluf f’sistema biex dan l-iskart ikun ipproċessat

F’stqarrija li ħarġet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) qalet li espremiet  dispjaċir meta saret taf li numru ta’ individwi kienu qed jarmu skart tal irziezet fis-sistema tad-drenaġġ ta’ Għawdex.

Il-WSC żiedet tgħid li dan qed jiġri minkejja li l-bdiewa kollha f’Għawdex issa għandhom aċċess għal “faċilita żviluppata mill-speċjalisti tagħha, xjenzati u inġiniera li permezz tagħha, id-demel likwidu huwa pproċessat b’mod li jirrispetta l-ambjent.”

Hi qalet li din is-sistema, flimkien ma’ investimenti oħra li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro rriżultaw f’ibħra aktar nodfa għall-benefiċċju tal-popolazzjoni in ġenerali. 

Ma dan żiedet tgħid li l-evidenza kollha li ġabret kienet ippreżentata lill-pulizija flimkien ma’ rapport.

Il-Korporazzjoni kkonkludiet l-istqarrija tagħha billi qalet li se tieħu miżuri qawwijin biex tissalvagwardja l-infrastruttura tagħha u l-benessri tal-ħaddiema tagħha u l-ambjent.

More in Politika