'Iddedikajt ħajti għal pajjiżi ... inħobbkom' - L-aħħar diskors ta' Joseph Muscat

'Qlajt dawn id-daqqiet mingħajr ma weġibt lura, imma tawni kemm tawni qatt ma rebħuli' - jgħid Muscat fl-aħħar diskors tiegħu li fih jammetti li l-akbar dispjaċir tiegħu jibqa' l-qtil ta' omm u ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Joseph Muscat waqt il-Kungress tal-lejla | Ritratt Partit Laburista
Joseph Muscat waqt il-Kungress tal-lejla | Ritratt Partit Laburista

"Kont, għadni u nibqa’ Joseph," qal il-Prim Ministru li rringrazzja lil dawk kollha li kienu warajh u jagħtuh l-appoġġ.  

“Iddedikajt ħajti għal pajjiżi. Jiddispjaċini biss li mhux waħdi ħallast, imma anke l-familja,” qal il-Prim Ministru li sostna illi hu aċċetta l-kritika imma l-iktar li weġgħatu kienu l-attakki fuq il-familja." Huwa qal dan fl-aħħar diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru u li kien ibbażat fuq is-suċċessi, miżuri u d-differenza li għamel Gvern Laburista, kif ukoll fuq il-bżonn li l-poplu jibqa’ jħobb lil pajjiżu.

“Stmerruhom lil dawk li jattakkaw lill-familji tal-politiċi, lil dawk li għax ma laħqux l-għeneb qalulu qares,” sostna l-Prim Ministru.

“Qlajt dawn id-daqqiet mingħajr ma weġibt lura, imma tawni kemm tawni qatt ma rebħuli. U qatt u qatt ma waqajt fit-tattiċi tagħhom,” saħaq Muscat, filwaqt li għamel aċċenn diversi drabi dwar weġgħat li ħass matul iż-żmien.

“Ħallejt pajjiż li l-aktar li jgħin lil min l-aktar li għandu bżonn,” qal hekk kif għamel elenku ta' miżuri li ħa Gvern Laburista fl-aħħar sitt snin. 

Il-familja Muscat wara d-diskors tal-PM uxxenti | Ritratt ta' James Bianchi
Il-familja Muscat wara d-diskors tal-PM uxxenti | Ritratt ta' James Bianchi

Miżuri li ħa l-Gvern li mexxa

Muscat elenka l-miżuri li ħa l-Gvern tiegħu, fosthom it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tkabbir fl-ekonomija u kif din se tkun l-akbar din is-sena fl-Unjoni Ewropea, is-surplus mill-2016 u kull sena, tnaqqis tad-dejn, rduppjar tal-ispiża fis-saħħa u l-edukazzjoni, dak li sejjaħ l-akbar investiment f’toroq fil-pajjiż, fond nazzjonali b’€600 miljun fih, 30,000 familja aktar li saru sidien ta’ darhom u l-inqas rata ta’ qgħad.  

“Naqqasna aktar minn 60% dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji. Mhux numri, persuni dawn. Eluf ta’ żgħażagħ li bdew il-karrieri, eluf ta’ nisa li komplew jaħdmu minħabba ċ-child care, eluf ta’ pensjonanti li qed jaraw żieda wara l-oħra, kull sena mill-2013,” qal Muscat.

Huwa elenka l-impjiegi li nħolqu fl-aħħar snin, baġits bla taxxi u paga minima lil persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu.

Il-PM Musccat jiffirma numru ta' kotba | Ritratt ta' James Bianchi
Il-PM Musccat jiffirma numru ta' kotba | Ritratt ta' James Bianchi

Jiddispjaċini li nqatlet omm Daphne Caruana Galizia

"Jiddispjaċini min xi ħaġa? Iva jiddispjċini li nqatlet Daphne Caruana Galizia, li nqatlet omm .. anke jekk ħallast l-akbar prezz politku biex jissolva dan il-każ, " saħaq il-Prim Ministru uxxenti.

"Għandi sodisfazzjon li solvejt dan il-każ, mhux għamilt bħal ta' qabli, parlaw u m'għamlu xejn," qal Muscat f'referenza għal każi ta' qtil politiku mhux solvut. . 

'Ma nintilfux fin-nostalġija'

Dwar il-Partit Laburista li għada se jkollu elezzjoni interna għal Mexxej Laburista ġdid, Muscat qal li “ma nistgħux nintilfu fin-nostalġija. Irridu nġeddu lill-partit tagħna. Irridu nibqgħu moviment li jilqa’ fi ħdanu lil kull min huwa progressiv,” saħaq Muscat li kompla jgħid illi l-futur tal-Partit Laburista u ta’ dawk kollha li jidentifikaw lilhom infushom miegħu, huwa sabiħ.

Huwa qal li l-moviment se jibqa’ b’saħħtu għax huwa mibni fuq l-imħabba lejn il-pajiiż u l-ġid.

F’appell imqanqal qal li ħadd m’għandu jħalli in-negattiv jirbaħ fuq il-pożittiv u biex ħadd ma jħalli l-mibgħeda tirbaħ fuq l-imħabba.

“L-akbar dispjaċir tal-avversarji ma kinitx li qed noħolqu l-ġid jew li l-ekonomija sejra tajjeb. Imma l-akbar dispjaċir huwa li kienet bdiet dieħla l-għaqda, li ma tiddistingwix bejn raġel, mara, tas-south u tan-north, straight jew gay,” irbombja leħen Muscat f’Padiljun ippakkjat nies.

“Fejn żbaljajna għandna niskżaw ruħna. Jiena kont responsabbli ta’ kollox u jiena nerfa’ r-responsabilità.  Umilment quddiemkom ilkoll nitlob skuża fejn żbaljajna,” stqarr Muscat.

“Weġġajt iva u weġġħuni u jista’ jkun li anke jiena weġġajt lin-nies...imma nħeġġiġkom biex tibqġħu tħobbu lil pajiżna sal-aħħar nofs.”

Il-Padiljun fejn beda l-Kungress | Ritratt ta' James Bianchi
Il-Padiljun fejn beda l-Kungress | Ritratt ta' James Bianchi

'Ittrasformajna dan il-partit f'wieħed rebbieħ'

Hu saħaq li mhu se jħalli lil ħadd iħassar it-tajjeb li għamel il-Gvern. “Ittrasformajnja dan il-partit f’wieħed rebbieħ, sirna ġenerazzjoni rebbieħa. Ma tlifniex elezzjoni waħda, li hi waħda mill-2009, bil-ġenerali, tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew,” qal l-PM għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.  

Huwa qal li l-partit irnexxielu jagħmel dan għax rebaħ l-imħuħ u l-qlub.

Finalment indika li se jibqa' fil-Parlament għal ftit żmien u li se jaħdem fuq kwistjonijiet ta' libertajiet ċivili. 

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

 

More in Politika