Rebbieħ, kontroversjali, maħbub u mibgħud - L-era ta' Joseph Muscat tasal fi tmiemha

Biddel wiċċ ix-xenarju politiku f'Malta, dawwar Nazzjonalisti kbar f'Laburisti kbar, mexxa bonanza ekonomika, kiseb rebħiet rekord, inqatlet ġurnalista u spiċċa maqbud fi kriżi politika kbira, żgur, grazzi għall-aktar persuna li tah poter u kien jafda 

Joseph Muscat ma' martu u uliedu
Joseph Muscat ma' martu u uliedu

Illum jingħalaq separju. Il-kummenti u l-ġudizzji se jibqgħu permanenti daqs kemm se jibqgħu mħalltin u diversi. Min iħoss li l-era li se nagħlqu hija waħda ta’ ħażen, rgħiba sfrenata u korruzzjoni li kissret ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u min jemmen li din kienet era ta’ ġid kbir u bla preċedent, ekonomija f’saħħitha u l-qerda għal kollox tal-għanqbut u r-rigress tal-għeluq u d-diżugwaljanza li ġabet politika konservattiva.

Il-verità, suġġettiva kemm hi suġġettiva, tibqa’ ximkien fin-nofs.

L-era ta’ Muscat hija waħda li rat lill-Partit Laburista jintrefa’ mill-abbissi tat-telf u diżillużjoni. Muscat kien irnexxielu jagħmel minn dan il-partit prattikament żarmat, wieħed li huwa il-partit naturali tal-Gvern.

Muscat fetaħ il-bibien u malli għamel hekk daħlu l-eluf.

Eluf kbar u maġġoranza, bla dubju ta’ persuni onesti u ġenwini li kienu xebgħu mill-istatus quo. Eluf li kienu xebgħu mill-attakki vixxerali kontra kull min jikkritika lill-Gvern.

Kienet era li rat lill-Partit Laburista fdat minn mewġa enormi ta’ nies. Mewġa ta’ votanti li jridu l-bidla.

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Ir-rgħiba li ħakmet...

Kienet ukoll l-era iżda illi fiha r-rgħiba ta’ individwi kruċjali ħakmet lill-Gvern.

Ta’ persuni li nqabdu fil-fatt jiftħu kumpaniji l-Panama. L-akbar mazzra m’għonq Muscat u m’għonq il-Gvern.

Il-mistoqsijiet, dubju u finalment l-iżvelar ta’ struttura sħiħa marbuta intrinsikament bejn tliet kumpaniji, kienet l-akbar daqqa morali li ħa Muscat u l-Gvern tiegħu.

L-ewwelnett għax kienet sigrieta, it-tieni nett għax infetħet f’pajjiżi meqjusin ‘maħmuġin’ u fejn tirrenja s-segretezza u finalment għax il-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu marbutin ma’ 17 Black.

17 Black hija fil-fatt l-akbar traġedja ta’ din l-era ta’ Muscat. Hija proprjetà ta’ Yorgen Fenech u fiha daħlu flus li l-allegazzjoni hija li kellhom jgħaddu fil-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi, allegatament mill-aġent tat-tanker tal-gass u minn persuni fl-Ażerbajġan.

Yorgen Fenech, ilbieraħ
Yorgen Fenech, ilbieraħ

Dan kollu jingħaqad ma’ mawra fl-Ażerbajġan, mingħajr midja u l-Bank Pilatus, miftuħ minn Iranjan akkużat bi frodi u li fih infetħu kontijiet għall-familja tad-Dittattur tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.

Dan kollu jerġa jingħaqad, ma’ probabilment, l-akbar daqqa li ħa l-Gvern u l-agħar mument tal-era ‘Muscat’. Il-qtil tal-ġurnalista u l-avversarju qalil tal-Partit Laburista (u fl-aħħar anke ta’ Adrian Delia) Daphne Caruana Galizia.

Kien il-qtil ta’ din l-avversarju li niżżel is-separju b’mod inglorjuż fuq l-era ta’ Muscat. Primarjament l-arrest ta’ sid 17 Black, ir-riżenja ta’ Keith Schembri u l-implikazzjoni tiegħu u ta’ eks membru tas-sigurtà ta’ Muscat fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

L-era Muscat spiċċat fil-fatt bl-akbar kriżi politika fl-aħħar 30 sena.

L-unika soljev fl-istorja kollha tal-Panama kienet l-akkuża li Egrant, kumpanija oħra fil-Panama, kienet ta' martu. Xi ħaġa li hu u martu Michelle Muscat ċaħdu bil-qawwi u xi ħaġa li fuqha ingħataw raġun mill-Maġistrat u issa Imħallef, Aaron Bugeja. Bugeja ma sab ebda provi li jorbtu Egrant ma' Muscat u allura li jissostanzjaw l-allegazzjoni ,li qajmet urugan politku. 

Jibqa’ PM maħbub ħafna minn diversi setturi tas-soċjetà

Muscat iżda, minkejja dan kollu se jibqa’ mexxej u Prim Ministru maħbub mill-mases li raw fih ispirazzjoni, politiku tan-nies, raġel tal-familja u rebbieħ, qabel kollox.

Se jibqa’ maħbub fost eluf ta’ nies li ngħataw id-drittijiet li llum neħduhom for granted, primarjament lill-komunità LGBTIQ, permezz taż-żwieġ ugwali, l-Att dwar il-Ġeneru u leġiżlazzjoni oħra.

Se jibqa’ Prim Ministru li fetaħ il-bibien, hawn min jgħid b’mod eseġerat u ħażin, għan-negozji. Infatti mexxa u għadu jiftaħar li mexxa Gvern pro business.

Jinħass illi fl-era ta’ Muscat Malta għaddiet minn bonanza ekonomika: parzjalment minħabba perjodu ekonomiku dinji pożittiv u anke minħabba elenku ta’ miżuri pożittivi li ħa l-Gvern. Fost l-aktar pożittivi jibqgħu, it-tapering tal-benefiċċji, child care centres b’xejn, it-tneħħija tal-boll għal dawk li jixtru l-ewwel u t-tieni proprjetà, żidiet fil-pensjonijiet għall-ewwel darba, tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, żieda fil-pensjoni tal-wens u ħafna aktar.

Il-pajjiż irreġistra surplus finanzjarju għal bosta snin u ħareġ mill-Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv.

Żgur li l-era ta’ Muscat ma kinitx pożittiva għall-ambjent, b’permessi u bini f’ħafna bini jaqa’ u qerda ta’ art agrikola.

Kien żmien fil-fatt illi fih saru diversi protesti ambjentali, relattivament kbar. Fosthom, dik kontra l-iżvilupp tal-art fiż-Żonqor.

L-eks Ministru Helena Dalli mal-PM Joseph Muscat waqt il-Gay Pride
L-eks Ministru Helena Dalli mal-PM Joseph Muscat waqt il-Gay Pride

Rebħiet rekord li qatt ma rajna bħalhom

M’hemmx dubju li r-rebħiet elettorali li kiseb Muscat kienu rekord fuq rekord fuq rekord.

Muscat qatt ma rebaħ elezzjoni b’distakk inqas minn 33,000 vot, mill-Partit Nazzjonalista. Laħaq iżda r-rekord assolutn fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, meta l-PN sofra telfa storika b’distakk ta’ 42,600 vot favur il-PL.

Muscat se jibqa’ meqjus bħala politiku li f’termini elettorali umilja lill-PN, daqs u ħadd qabel.

Ir-rebħa tal-2017
Ir-rebħa tal-2017

Ma’ Eddie u Mintoff, għax kontroversjali, maħbub u mibgħud daqshom

Hemm fejn tikteb ktieb dwar l-era ta’ Muscat. Xi darba forsi jinkiteb oġġettivament.

Għalissa iżda nieqfu hawn. Nikkonkludu biss billi ngħidu li l-legat ta’ Muscat se jkun wieħed illi se ndumu nitkellmu dwaru, se ndumu niftakru, se ndumu ma naqblux dwaru, ċeratament simili għal dak ta’ mexxejja kontroversjali u kbar bħal Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami.

Muscat ma' Mintoff
Muscat ma' Mintoff

More in Politika