20 persuna titressaq il-Qorti fuq akkużi ta' rewwixta fiċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa

Persuni minn pajjiżi differenti kienu akkużati illi ħadu sehem f'rewwixta nhar il-Erbgħa fil-Marsa

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Ir-rewwixta ta' nhar il-Erbgħa fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa bdiet wara laqgħa bejn grupp ta' immigranti u l-AWAS li ma ħallietx frott. 

20 persuna minn pajjiżi differenti kienu akkużati illi ħadu sehem f'din ir-rewwixta. L-irġiel, ħamsa minnhom li huma minuri, tressqu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella. 

L-Ispetturi Sarah Zerafa u Paul Camilleri akkużaw lill-irġiel bi ħsarat ta' natura kriminali, li ffurmaw parti minn grupp illegali ta' nies bil-ħsieb li jwettqu att kriminali, li ma obdewx ordnijiet leġittimi u li kisru l-paċi pubblika.

 L-investigazzjonijiet tal-Pulizija stabilixxew illi numru ta' immigranti li jgħixu fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa, u li fih jgħixu madwar 400 immigranti, kienu bdew ir-rewwixti  nhar it-8 ta' Jannar fid-dormitorju, u beda nar li nfirex mal-kamra kollha.

Il-Pulizija ġew fis-1:00 p.m u bl-għajnuna ta' uffiċjali taċ-ċentru, l-immigranti ġew evakwati mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

Ħdax-il ħaddiem u tliet immigranti ngħataw l-għajnuna medika fuq il-post wara li belgħu duħħan. 

L-akkużati huma mill-Guinea, is-Somalja, il-Kosta tal-Avorju, il-Mali, in-Niġerja, il-Gambja, is-Sudan, is-Senegal u Bangladesh, twasslu bil-vann u ddaħħlu minn naħa ta' quddiem tal-bini tal-Qorti.

Jidher li l-immigranti kienu ferm irrabjati għax ma ngħatawx il-libertà mill-Initial Reception Centre u sussegwentement nstemgħu jgħidu se jqabbdu n-nar.

Erbgħa minn dawn in-nies kienu akkużati li kkawżaw nar. 

L-irġiel qatt ma talbu ħelsien mill-arrest. 

16-il persuna kienu akkużati bl-istess akkużi imma mhux li qabbdu n-nar. 

12 minn dawn wieġbu li mhumiex ħatja, filwaqt li erbgħa oħra ammettew il-ħtija kontrihom.  

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

More in Politika