Aġġornata | Sandro Chetcuti u membri tal-MDA mistiedna għall-aħħar attività ta' Chris Fearne

Sandro Chetcuti jgħid li mar jirrappreżenta lill-MDA iżda Fearne jisħaq li Chetcuti huwa membru tal-PL u allura seta' jattendi

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, attenda għall-aħħar attività politika li kellu Chris Fearne bħala parti mill-kampanja għall-Mexxej tal-Partit Laburista.

Chetcuti kien preżenti flimkien ma’ ħafna mid-Deputati u membri tal-Kabinett u f’ritratt minnhom jidher jitgħannaq mal-eks Ministru Konrad Mizzi li wkoll kien preżenti għal din l-attività.

Mistoqsi minn MaltaToday, Sandro Chetcuti kkonferma l-preżenza tiegħu u qal li miegħu kien hemm ukoll membri oħra tal-Assoċjazzjoni.

Huwa qal li l-preżenza tagħhom ma jfissirx li qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Fearne, waqt li insista li qatt ma rċevew stedina mingħand il-kandidat Robert Abela.

Chetcuti insista li huma dejjem attendew għall-attivitajiet taż-żewġ partiti kull meta kienu mistiedna.

Minkejja dan, fit-tieni telefonata Chetcuti qal illi hu ħaseb li kienet l-MDA li ġiet mistiedna, minkejja li hu kien mistieden bħala membru. Ikkonferma li kien hemm membri oħrajn tal-MDA preżenti. 

Fearne jgħid li Sandro Chetcuti huwu membru tal-PL

Mistoqsi dwar il-preżenta ta' Chetcuti, il-kandidat Chris Fearne qal ma' The Times of Malta li Sandro Chetcuti huwa membri tal-Partit Laburista

Filwaqt li Chetcuti qal li mar f'isem l-MDA, Fearne qal li din l-okkażjoni kienet għall-membri tal-Partit Laburista u Chetcuti huwa membri u għalhekk seta' jattendi. 

Ilbieraħ, l-MDA kellha wkoll laqgħa formali mad-Deputat Prim Ministru. F’Facebook post, l-MDA saħqet li waqt il-laqgħa qablu li hemm bżonn aktar dixxiplina u politika ta’ infurzar fis-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari.

Min-naħa tiegħu, Fearne rringrazzja lill-MDA għax-xogħol tagħha partikolarment fl-aħħar tliet snin kemm ilu Deputat Prim Ministru, fosthom għall-inizjattiva ta’ reġistrazzjoni tal-kuntratturi.

More in Politika