Filmat | Jibda l-proċess biex jintagħżel il-kuntrattur li se jibni l-mina bejn Malta u Għawdex

Il-mina se tkun qed issostni lilha nnifisha finanzjarjament permezz tal-ħlas li se jintalab fil-futur minn dawk li jużawha

Il-mina bejn Malta u Għawdex se tkun qed issostni lilha nnifisha finanzjarjament u dan permezz tal-ħlas li fil-futur se jkunu qed jintalbu jagħmlu dawk li jużawha.

Illum beda uffiċjalment il-proċess biex jintagħżel il-kuntrattur li se jkun qed jibni u jopera l-mina bejn Malta u Għawdex. Dik magħrufa bħala “pre-qualification questionnaire,” ġiet ippubblikata biex dawk li jixtiequ jieħdu sehem fit-tender jimlew l-applikazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta saħaq li l-għan tal-Gvern mhuwiex li joffri sussidji jew inkella garanziji lill-kuntrattur.

Għalhekk, Infrastructure Malta qed tisħaq li l-kuntratturi li jieħdu sehem għandhom ikollhom minn tal-inqas dħul ta’ €500 miljun fis-sena u li fl-aħħar għaxar snin daħħlu minimu ta’ €250 minn proġett simili.

Il-proċess huwa maqsum fi tliet stadji. Wara l-kwestjonarju, se jkunu qed jintagħżlu ħames kuntratturi biex jgħaddu għall-fażi li jmiss fejn fost oħrajn se jkunu mitluba biex jipparteċipaw fi djalogu.

Hawnhekk, kull kuntrattur irid jissottometti disinn dettaljat biex fl-aħħar fażi jintgħażel dak li se jkun qed jibni u jopera l-mina. 

Infrastructure Malta ħejjiet ukoll disinn biex il-kuntratturi, preferibbilment jimxu miegħu. Il-mina se tibda mix-Xemxija u tiżbokka n-Nadur, se tkun twila 14-il kilometru u 14-il metru wiesgħa.

Se tkun tinkludi wkoll seba’ spażji fejn is-sewwieq jkunu jistgħu jdawwru r-rotta tagħhom. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg saħaq li l-materjal li se jkun skavat bħala parti mill-kostruzzjoni tal-mina mhux se jkun skart tal-kostruzzjoni, anzi jista’ jkun riżorsa li jkun jista’ jintuża minn industriji oħra.

Insista li l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi trid taqbel mal-Gvern fuq kif dan jista’ jintuża jew inkella fejn se jkun qed jintrema. 

Saħaq li l-link permanenti bejn il-gżejjer se jkun qiegħed jindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw madwar 20,000 persuna li kuljum iridu jaqsmu biex jinżlu jaħdmu Malta. 

Tal-istess fehma kienet il-Ministru għal Għawdex Justine Caruana li insistiet li dan il-proġett se jfisser livell ta’ għajxien aħjar għall-Għawdxin.

Insistiet li Għawdex illum qiegħed jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż iżda jibqa’ l-fatt li l-popolazzjoni kull ma jmur qed tixjieħ.

Kien hawn li saħqet li dan il-proġett jista’ jgħin biex il-popolazzjoni ta’ Għawdex terġa’ tieħu r-ruħ.

More in Politika