Min se jsajjar l-aħjar ir-riċetta ta’ Joseph Muscat? It-taqtigħa bejn Fearne u Abela

Iwegħdu tama ġdida iżda jibqgħu jiggranfaw ma’ Joseph Muscat. Fil-jum li fih il-membri tal-Partit Laburista bdew jivvotaw, il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn il-kampanji ta’ Chris Fearne u Robert Abela

Nhar il-Ħadd il-Partit Laburista jkollu Mexxej ġdid u mbagħad fis-sigħat ta’ wara r-rebbieħ jieħu l-ġurament bħala l-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta. Għalhekk, u forsi ftit qed jifhmu dan, din mhijiex elezzjoni li għandha tinteressa biss lil-Laburisti għax hija elezzjoni ta’ importanza nazzjonali. 

Minkejja dan ftit li xejn smajna dwarha. Issejħet ta’ malajr fi żmien li ħadd ma jkollu aptit jisma’ bil-politika, speċjalment wara xahar ta’ riżenji, tensjoni u protesti. Terġa’ u tgħid, din l-elezzjoni sfat fid-dell ta’ bosta stejjer oħra dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-mowbajl mitluf u s-safra ta’ Keith Schembri u l-arloġġ u l-inbejjed li rċieva Joseph Muscat.

Wara dak kollu li l-pajjiż għadda minnu fl-aħħar ġimgħat konna nistennew kampanja li tagħti ftit tan-nifs u ftit tat-tama. Ngħiduha kif inhi, iż-żewġ kandidati, Chris Fearne u Robert Abela, fl-ewwel sigħat tal-kampanja offrew tama ġdida, anke b’uħud mill-proposti tagħhom u bid-dikjarazzjonijiet li għamlu dwar il-futur ta’ Konrad Mizzi u tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Iżda kważi kważi xejnu kull interess u kull tama meta mal-ewwel opportunità dehru fuq il-palk ma’ Joseph Muscat ixejru u jitgħannqu miegħu. Forsi għamlu dan għax għarfu li fil-votazzjoni tas-Sibt li ġej se tkun proprju l-kontinwità li se tħoll u torbot kollox. 

Abbli ma kellhomx tort sabarra. Il-Prim Ministru uxxenti għadu qed jagħti l-impressjoni li t-tluq tiegħu huwa normali u li f’dan kollu ma hemm xejn ta’ barra minn hawn. Hekk għamel fil-messaġġ tal-ewwel tas-sena. Rajna filmat miġbud f’kamra mdawla – għall-kuntrarju tal-kamra mudlama li fiha ħabbar ir-riżenja tiegħu – b’messaġġ li pinġa kollox perfett u li xejn mhu xejn. 

Iżda jgħid x’jgħid Muscat l-aħbarijiet li ħarġu fl-aħħar ġimgħat huma serji ħafna, tant li tefgħu t-tmexxija tiegħu f’dell permanenti. Jista’ jgħid li ġie ‘ttradut’, iżda jibqa’ l-fatt li baqa’ sal-aħħar nett ma jitlobx ċerti riżenji, għax kull min irriżenja għamel dan minn jeddu. U billi baqa’ ggranfat ma’ Kastilja sal-aħħar sigħat influwenza wkoll it-tellieqa għall-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.

Minkejja l-wegħda ta’ tmexxija ġdida u l-kummenti li għaddew fl-aħħar xahar, la Chris Fearne u lanqas Robert Abela ma ħarġu jikkundannaw b’saħħithom biżżejjed dak kollu li seħħ. Anzi, f’kull opportunità li kellhom baqgħu jfaħħru lil Joseph Muscat.

Forsi ma ttihomx tort lanqas. L-elezzjoni tagħhom tiddependi mill-membri tal-Partit Laburista u fosthom Muscat għadu jinżamm fuq pedistall. Ibda biex, minkejja kollox, Muscat jibqa’ dak li rnexxielu jrebbaħ lill-Partit Laburista għaxar elezzjonijiet b’maġġoranzi rekord. La l-arloġġ u l-inbid ta’ Yorgen Fenech u lanqas in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu kontra Keith Schembri mhuma se jnessu dan kollu lill-Laburisti.

Chris Fearne ilu jipprepara. Robert Abela seraqlu x-xena?

Huwa sigriet magħruf li Chris Fearne ilu jaħdem għal dan il-mument. Jgħid x’jgħid, kien ilu jipprepara u jipprojetta l-immaġni ta’ Prim Ministru. 

Qatt qabel ma kellna Deputat Prim Ministru li ftaħar daqstant li huwa d-Deputat Prim Ministru. Dan l-aħħar deher fil-faċċati ta’ diversi rivisti, għamel użu tajjeb ħafna mill-midja soċjali anke permezz ta’ filmati u bena reputazzjoni ta’ persuna retta fix-xogħol tiegħu.

Din il-ġimgħa saħansitra ppubblika ktieb ‘Viżjoni ta’ Nazzjon’. Ktieb bħal dak żgur ma tiktbux fi tliet ġimgħat.

Fi ftit kliem,  tul dawn l-aħħar xhur Fearne ħa ħsieb li jidher bħala l-Prim Ministru ideali. Kemm għadu jidher hekk naraw aktar ’il quddiem.

Iżda mbagħad mix-xejn ġie Robert Abela b’kampanja elettorali moderna li kważi kważi tfakkar ħafna fil-kampanji u fl-immaġni ta’ Joseph Muscat. Abela nieda l-kampanja elettorali tiegħu minn fuq podium, f’filmat irrekordjat b’mod professjonali u bin-nies bilqiegħda warajh. Organizza diversi konferenzi f’ambjenti differenti biex jispjega aħjar il-proposti tiegħu u lbieraħ organizza attività għall-familja kollha fl-istabbiliment Gianpula.

Forsi għall-kuntrarju ta’ Fearne, Abela kapaċi jwassal il-messaġġ tiegħu aħjar. Għandu l-kariżma. Dan kien rifless fil-partitarji li attendew għall-attivitajiet taż-żewġ kandidati. Dawk ta’ Abela qed juru aktar entużjażmu minn dawk ta’ Fearne. 

Chris Fearne, mill-banda l-oħra, għadu lura fl-użu tal-kommunikazzjoni. Ħdejn Joseph Muscat, oratur prim, Fearne lanqas biss jibda u kważi kważi jinstema’ monotonu. Għażel ukoll kampanja aktar tradizzjonali li fiha l-attivitajiet ewlenin kienu diskussjonijiet politiċi taħt tinda f’diversi bliet u rħula.

Iżda Fearne ried joħroġ ukoll l-umanità tiegħu, xi ħaġa li Muscat kien iħobb jagħmel ukoll kull tant żmien. B’filmati qosra, Fearne wieġeb il-mistoqsijiet kurjużi dwaru u dwar dak li jħobb jagħmel.

Li hu żgur huwa li ż-żewġ kandidati għarfu jużaw sewwa il-midja soċjali. Jekk forsi minħabba l-festi tal-Milied it-televiżjoni ma tantx tahom spazju, xorta użaw il-paġni tal-Facebook tagħhom biex iwasslu ħafna mill-messaġġi.

It-tnejn iqawwu qalb il-Laburisti

Anke jekk is-sondaġġi wrew li l-Partit Laburista ma tilef xejn mill-popolarità tiegħu minkejja dak li ġara fl-aħħar ġimgħat, jibqa’ l-fatt li fil-Partit Laburista diġà bdew jidhru l-ewwel xquq. Dan kemm minħabba dak li ġara fuq il-livell nazzjonali u kemm minħabba l-mod kif bdiet it-tellieqa għat-tmexxija tal-partit. Kien propju għalhekk li ż-żewġ kandidati ħassew il-bżonn li jqawwu qlub il-Laburisti.

Nibdew bi Chris Fearne. Il-motto tiegħu: “Kburi Li Laburist. Kburi li Malti.” Kważi kważi, insejna l-aħħar darba li Joseph Muscat għamel referenza għal-Laburisti. Dejjem tkellem fuq dan il-moviment li għaqqad lil kulħadd, anke lil dawk li qatt ma ħolmu li se jivvotaw Labour.

Iżda Fearne beda bil-fatt li hu kburi li hu Laburist. Vera li qal dan quddiem l-udjenza tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar proprju lilha jrid biex ikun elett. Iżda Fearne għamel minn kollox biex jiġbed is-simpatija tal-Laburisti warajh, forsi anke għax miż-żewġ kandidati kien qed jidher l-aktar wieħed distakkat minn Joseph Muscat u għax ta x’wieħed jifhem li jekk isir Prim Ministru se jibdel ħafna affarijiet – xi ħaġa li forsi ma tinżilx tajjeb ma’ kulħadd.

Mill-banda l-oħra kien konxju li r-riċetta ta’ Joseph Muscat (kif sejħitilha Michelle Muscat) ħadmet u għalhekk ikompli: “Kburi Li Malti.” Jekk irid li jkollu s-suċċessi ta’ Joseph Muscat, Fearne jeħtieġ iżomm lill-Partit Laburista bħala l-partit li jattira persuni ta’ kull fehma politika. 

Robert Abela mill-bidu tal-kampanja elettorali tiegħu aktar ta l-impressjoni li jekk isir Prim Ministru se jaħdem favur il-kontinwità. “Flimkien ’il Quddiem,” huwa l-motto tiegħu. Il-kelma “flimkien” hija b’saħħitha u tappella kemm għal-Laburisti u kemm għall-Maltin b’mod ġenerali.

“Flimkien,” għax kif għidna, fl-aħħar ġimgħat dehru diversi xquq fil-Partit Laburista. Il-Partit Laburista ma jistax jaffordja li ma jkunx magħqud. Din kienet l-aktar ħaġa li ddistingwietu mill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin.

“Flimkien,” għax din kienet ir-riċetta ta’ Joseph Muscat. Jekk il-Moviment ta’ Muscat jintemm fit-12 ta’ Jannar, il-maġġoranza se tibda titnaqqar. Huwa ċar li Abela jrid il-kontinwità.

X’fettillu Chris Fearne?

Aktar ’il fuq għidna li Chris Fearne beda din il-kampanja billi jixħet l-immaġni tas-suċċessur ideali ta’ Joseph Muscat. Deher bħala bniedem rett u b’esperjenza. U anke jekk kien id-Deputat Prim Ministru ta’ Muscat, xorta dejjem żamm id-distanza tiegħu.

Jekk beda l-kampanja jgħid li ma jridx Chief of Staff u li ma jridx lil Konrad Mizzi fil-kabinett, Fearne donnu rrealizza li mhux il-Laburisti kollha jridu xi bidu ġdid. Anzi, hemm għadd ġmielu li jridu li l-kontinwità.

Tgħid Fearne dan rrealizzah? Kien għalhekk li ħareġ b’ċerti stqarrijiet li sejħilhom tongue-in-cheek? Ried li jidher ħelu mal-Laburisti? 

F’nifs wieħed Fearne jgħid li jrid l-għaqda nazzjonali. Imbagħad f’daqqa waħda joħroġ jgħid li jrid il-kliem “RIPN” fuq il-qabar tiegħu. “Ħalef” ukoll li sakemm idum ħaj in-Nazzjonalisti ma jerbħux il-Gvern.

Waqgħetlu l-maskra jew sempliċiment ried jidher sabiħ?

Robert Abela garanzija ta’ kontinwità?

Robert Abela wkoll beda jidher bħala xi ħadd li se joffri nifs u tama ġdida. Niftakruh joħroġ kontra “l-patt imxajtan” li pprova jaqilgħu mill-ġirja għall-Mexxej Laburista.

Madanakollu malajr biddel id-diska u beda jibbaża l-messaġġi tiegħu fuq il-kontinwità. Ftaħar bis-suċċessi tal-gvern ta’ Muscat u bil-fatt li “sal-aħħar minuta” baqa’ leali lejn Joseph Muscat. Baqa’ jgħożż il-prinċipju tal-moviment u sa din il-ġimgħa stess enfasizza li l-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej se tkun dwar il-futur tar-riċetta ta’ Muscat. 

Il-konklużjoni hija waħda. Il-kontinwità se tkun kruċjali fil-votazzjoni tas-Sibt li ġej. Abela għaraf dan qabel Fearne.

Ikunu kawti ħafna mill-ġurnalisti...

Aktar ’il fuq għedt li din hija kampanja ta’ importanza nazzjonali għax mhix biss kampanja għall-Mexxej Laburista ġdid iżda wkoll kampanja li se tagħtina Prim Ministru ġdid.

Iż-żewġ kandidati tellgħu l-attivitajiet tagħhom u stiednu lill-ġurnalisti. Tawhom li l-ispazju tagħhom biex jistaqsu, iżda kienu kawti ħafna. Kien hemm mumenti fil-kampanja meta ppreferew li jżommu d-distanza u jgħidu dak li kellhom xi jgħidu f’xi filmat irrekodjat jew inkella li jwieġbu biss il-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti magħżula. 

Il-kampanja elettorali għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista għadha friska f’ħafna mħuħ. Kulħadd jiftakarha. Kienet kampanja ħafna aktar miftuħa. Kien hemm ħafna aktar opportunitajiet biex il-ġurnalisti jagħsru lill-kandidati.  F’din t’issa kemm rajna intervisti maż-żewġ kandidati? Biss biss fl-oħra kienu saru żewġ dibattiti bejn l-ewwel erba’ kandidati u dibattitu ieħor bejn Adrian Delia u Chris Said.

L-ewwel darba li rajna lil Fearne u lil Abela jiddibattu ras imb ras kien il-Ħadd. Ġurnalist magħżul staqsa xi mistoqsijiet liż-żewġ kandidati. Tliet ġurnalisti oħra, fosthom l-editur ta’ din il-gazzetta, intalbu jirrekordjaw mistoqsija waħda komuni għaż-żewġ kandidati. 

Mhux qed ngħid li l-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx importanti, altru minn hekk, iżda din id-darba għandna kampanja li se taħtar il-mexxej tal-Gvern u għalhekk wieħed kien jistenna li ż-żewġ kandidati jkunu aktar miftuħa għall-ġurnalisti.

Nittamaw li min bħal-lum ġimgħa jsir Prim Ministru ma jagħmilx bħal Joseph Muscat u saħansitra jiċċensura l-intervisti kollha mal-midja lokali. 

More in Politika