Filmat | Jisħaq li l-kumpanija tiegħu għandha dritt iżżomm il-kuntratti mal-Gvern anke jekk hu jsir PM

Robert Abela saħaq li jekk il-membri tal-Partit Laburista jagħtuh il-fiduċja se jkun qiegħed jirriżenja mill-kumpanija li jmexxi flimkien ma' martu

Id-Deputat u kandidat għall-Mexxej Laburista Robert Abela ma jarax għalfejn il-kumpanija legali li hu jmexxi ma għandhiex tibqa’ tgawdi mill-kuntratti mal-Gvern jekk hu jsir Prim Ministru.

Mistoqsi minn ġurnalisti tal-MaltaToday, Abela saħaq li jekk il-membri tal-Partit Laburista jagħtuh il-fiduċja u għalhekk isir Prim Ministru se jkun qiegħed jirriżenja mill-kumpanija u għalhekk, fi kliemu, il-kumpanija tiegħu jibqa’ jkollha “d-dritt” li tipparteċipa f’xogħol tal-Gvern.

Robert Abela jmexxi l-kumpanija flimkien ma’ martu Lydia Abela li preżentament hija s-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

“Naħseb li din loġika,” saħaq Abela. “Allura l-kumpanija tiegħi jkollha dritt li tipparteċipa jekk ikun hemm xogħol tal-Gvern iżda trid tagħmlu daqs kull kumpanija oħra u mhux iżjed minn ħaddieħor.”

Kompla jisħaq li hu jemmen li kulħadd għandu jingħata l-opportunità biex jaħdem. “Jekk huma kumpaniji tal-PN jew ta’ persuni li jimmilitaw fil-Partit Laburista, id-dritt tax-xogħol qiegħed hemm għal kulħadd.”

Insista li hu mhu se jpoġġi lilu nnifsu fl-ebda pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.

Mistoqsi jekk il-mara tiegħu hux se jibqa’ jkollha sehem attiv fil-kumpanija jekk hu jsir Prim Ministru, Abela insista li għandha kull dritt taħdem 

Abela kien ikkritikat diversi drabi għax il-kumpanija legali tiegħu bbenefikat minn direct orders għal serviziz legali f’entitajiet pubbliċi, inkluż kuntratt mal-Awtorità tal-Ippjanar minn qabel il-Partit Laburista tela’ fil-Gvern fl-2013.

Dan il-kuntratt kien imġedded kull sena sal-lum il-ġurnata. 

More in Politika