Il-membri tal-Partit Laburista jibdew jivvotaw għal Mexxej ġdid

Illum, bejn id-9:00am u t-8:00pm, qed jivvotaw dawk li ma jistgħux jivvotaw nhar is-Sibt li ġej

Illum bdiet il-votazzjoni għall-ħatra ta' mexxej ġdid tal-Partit Laburista, tiġrija bejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u d-Deputat Robert Abela. 

Illum, bejn id-9:0oam u t-8:00pm, qed jivvotaw dawk li ma jistgħux jivvotaw nhar is-Sibt li ġej. Il-votazzjoni tal-lum qed issir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Nhar is-Sibt il-votazzjoni se ssir bejn it-8:00am u t-8:00pm, f'diversi każini tal-Partit Laburista mxerrda madwar Malta u Għawdex. B'kollox huma 17,500 tesserat dawk eliġibbli biex jivvotaw għall-ħatra tal-Mexxej ġdid Laburista li eventwalment ikun il-Prim Ministru.

Meta tagħlaq il-votazzjoni tas-Sibt, se ssir ir-rikonċiljazzjoni fil-postijiet tal-votazzjoni u minn hemm il-kaxxi kollha, inkluż dawk ta' Għawdex, iridu jmorru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn se jkun qed isir l-għadd.

Hu mifhum li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid li l-għada l-4:00pm se jkun qed jindirizza lill-partitarji fil-Padiljun Sportiv ta' Raħal Ġdid, jiġifieri fl-istess post fejn nhar il-Ġimgħa, Joseph Muscat se jagħmel l-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista. 

More in Politika