Jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett Central Link

Waqt din il-fażi tal-bidu tal-proġett, il-karreġġjati kollha eżistenti se jibqgħu miftuħin

Dalgħodu beda x-xogħol fuq il-Proġett Central Link li qiegħed isir b’investiment ta’ €55 miljun u li se jkun jinkludi xogħol fuq it-toroq bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali bil-għan li jonqos it-traffiku.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett qed jibdew wara li l-pjanijiet tiegħu kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u studjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019. 

F’Novembru li għadda, dawn ġew approvati wkoll mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, li ċaħad talba mill-NGOs u seba’ individwi biex jiġu revokati l-permessi tal-proġett. 

Fil-jiem li għaddew, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wkoll irrifjutat talba biex jinħareġ mandat t’inibizzjoni li saret mill-istess appellanti u kkonfermat li Infrastructure Malta tista’ tibda tiplimenta dan il-proġett.

Il-proġett se jkun qed jaħseb ukoll għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota. 

Fi stqarrija, Infrastructure Malta saħqet li dan il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. 

Se jiġu introdotti wkoll aċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż u li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.  

Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.

Ix-xogħlijiet inizjali li se jibdew din il-ġimgħa jinkludu l-iskavar għall-pedamenti tal-karreġġjati ġodda, bankini, waqfiet għall-karozzi tal-linja u korsiji għar-roti li se jinbnew matul ir-rotta tal-proġett, li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina, minn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, lejn ir-roundabout ta’ qabel it-Telgħa tas-Saqqajja, f’Ta’ Qali.

Ix-xogħlijiet se jsiru f’fażijiet differenti. Waqt din il-fażi tal-bidu tal-proġett, il-karreġġjati kollha eżistenti se jibqgħu miftuħin. 

More in Politika