Filmat | 'Bħala Segretarju Parlamentari kont iżolata fid-deċiżjoni tiegħi' - Farrugia Portelli

Portelli tisħaq li l-eluf ta' membri u delegati tal-Partit Laburista għandhom moħħ biex jagħżlu lil min iħossu li għandu jkun it-tmien mexxxej tal-Partit

Filwaqt li l-maġġoranza tal-membri tal-Kabinett qed jikkampanjaw favur Chris Fearne biex ikun hu li jieħu post Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli lbieraħ attendiet għall-attività politika ta' Robert Abela anke jekk, fi kliemha, għamlet dan mhux biex tikkampanjalu.

Fuq Facebook, Farrugia Portelli saħqet li bħala Segretarju Parlamentari kienet iżolata fid-deċiżjoni tagħha iżda saħqet li dejjem riedet timxi mal-kumpass tal-kuxjenza.

"Ħassejt li fid-diskors tiegħi ma ngħidx sentenza favur kandidat jew kontra ieħor," insistiet Farrugia Portelli waqt li tkellmet fuq il-kwalitajiet li għandu jkollu l-Mexxej ġdid Laburista.

"L-eluf ta' membri u delegati tal-Partit Laburista għandhom moħħ biex jagħżlu lil min iħossu li għandu jkun it-tmien mexxxej tal-Partit. Dik id-deċiżjoni hi sagra u jien nirrispettaha u nonoraha," saħqet is-Segretarju Parlamentari.

Matul din il-ġimgħa Ministri, partikolarment Ian Borg u Owen Bonnici kienu kkritikati ħafna fuq Facebook wara li dehru taħt it-tinda jikkampanjaw favur Chris Fearne, b'diversi membri tal-Partit Laburista jinsistu magħhom biex iħallu lin-nies jagħżlu.

Intant, il-votazzjoni għall-Mexxej Laburista tiftaħ għada, hekk kif matul il-jum tal-Erbgħa se jivvotaw dawk li ma jistgħux jivvotaw nhar is-Sibt li ġej 11 ta' Jannar.

More in Politika