Aktar minn 19,000 persuna mistennija jibbenefikaw mill-iskema ta' vjaġġi b'xejn għal dawk fuq 75 sena

Mill-2018 sal-aħħar tal-2019, in-numru ta' passiġġieri li jużaw tal-linja żdied b'4 miljun

Il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis żaru l-uffiċċji ta’ Centrecom fil-Mosta fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ inizjattiva għall-benefiċċju tat-trasport pubbliku b’xejn għal anzjani ta’ 75 sena u aktar. Waqt iż-żjara kien hemm preżenti l-uffiċjali ta’ Transport Malta, ta’ Centrecom Group kif ukoll ta’ Malta Public Transport.

Il-Ministru Borg spjega li l-mezz tat-trasport pubbliku, b’mod speċjali tal-linja, sar importanti ferm għal pajjiżna. Irrefera għal figuri tal-2019 fejn hu stmat li aktar minn 57.5 miljun passiġġier użaw dan il-mezz matul is-sena.

“In-numri qed ikomplu jiżdiedu. L-istatistiċi l-ġodda qed juruna li hemm żieda ta’ 7% jew ta’ aktar minn 4 miljun passiġġier mis-sena 2018 u 69% żieda fl-użu meta mqabbel mas-sena 2012. Illum qegħdin hawn biex inħabbru l-bidu ta’ inizjattiva oħra li se tkun qed toffri trasport pubbliku mingħajr ħlas lil faxxa oħra ta’ nies – l-anzjani li għandhom 75 sena jew aktar u n-numri qed juruna li jista’ jkun hemm aktar minn 19,000 anzjan li jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju,” spjega l-Ministru Borg.

Ian Borg saħaq ukoll li "illum qed naraw li bis-saħħa ta’ investiment li jlaħħaq it-€3.4 miljun, aktar minn 39,000 żagħżugħ u żagħżugħa u studenti full-time gawdew minn tal-inqas 8 miljun vjaġġ b’xejn matul is-sena li għaddiet. Qed naraw gvern li minn Diċembru li għadda beda jagħti wkoll dan is-servizz b’xejn lil persuni b’diżabilità. Dawn huma kollha parti minn ħidma komprensiva ta’ gvern li jpoġġi lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-persuni vulnerabbli fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tiegħu, gvern li għandu qalb soċjali."

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-inizjattiva ta’ trasport pubbliku b’xejn għal persuni minn 75 sena ’l fuq hi pass importanti fil-politika ta’ anzjanità attiva li se żżid il-mobilità soċjali u li se tnaqqas l-esklużjoni soċjali. Agius Decelis qal li l-gvern jimpurtah li l-anzjani jibqgħu parti integrali mis-soċjetà tagħna u qed joħroġ b’inizjattivi bħal dawn li jagħtu l-appoġġ neċessarju biex jibqgħu attivi b’mod sħiħ. 

Decelis qal ukoll li t-trasport pubbliku hu wieħed mill-mezzi prinċipali ta’ mobilità tal-anzjani u pass bħal dan qed ikompli jsaħħaħ l-irwol importanti tagħhom fis-soċjetà. Is-segretarju parlamentari qal li dan kien il-pass li jmiss wara li t-trasport pubbliku sar aċċessibbli b’mod fiżiku.

More in Politika