Filmat | Il-Ministru Borg iwiegħed li l-proġett tal-mina mhu se jintefa' fid-dell tal-ebda kontroversja

Mistoqsi mill-ġurnalisti Borg jiftaħar b'dak li rnexxielu jwettaq fl-aħħar snin bħala Ministru responsabbli mill-infrastruttura

Il-Ministru għall-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg fakkar li fl-aħħar snin kien responsabbli mill-akbar proġetti infrastrutturali tal-Gvern u għalhekk iggarantixxa li mhu se jkun hemm l-ebda dell fuq il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

L-akbar proġetti tal-Gvern Laburista, inkluż dak tal-powerstation u anke l-ftehim mal-Vitals Global Healthcare, spiċċaw fil-qalba ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u kontroversji.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Borg saħaq li hu kien il-persuna responsabbli mill-fondi Ewropej u anke mill-akbar proġetti infrastrutturali li ra l-pajjiż. 

“Dejjem rajt li ma jkun hemm l-ebda dell fuq l-ebda proġett,” insista Borg.

Borg li llum nieda t-trasport pubbliku b’xejn għall-anzjani li għandhom 75 sena jew aktar, qal lill-ġurnalisti tal-MaltaToday li l-mina bejn Malta u Għawdex kienet parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista u għalhekk se jara li dan il-proġett iseħħ.

“F’April li għadda, il-Gvern u l-Oppożizzjoni ġew flimkien f’vot storiku favur dan il-proġett. L-Oppożizzjoni biddlet il-pożizzjoni tagħha, ħlief għal Chris Said u sal-lum għadna ma nafux jekk hux favur jew kontra,” insista l-Ministru.

Wara l-vot fil-Parlament, l-Oppożizzjoni kienet talbet biex l-istudji jiġu ppubblikati kollha qabel tikkommetti ruħha dwar dan il-proġett.

S’issa, erba’ studji ġew ippubblikati mill-Gvern, fosthom l-Istudju dwar l-Impatt Soċjali u dawk ġeoloġiċi.

Fil-futur qrib, il-Gvern se jkun qed jibda l-proċess biex aktar tard ikun jista’ jintgħażel min se jibni l-mina bejn Malta u Għawdex.

Dik magħrufa bħala “pre-qualification questionnaire,” hija l-ewwel pass ta’ proċess twil biex jintgħażel il-kuntrattur li se jibni u jopera l-mina. 

“Il-Gvern kien kommess li jagħmel is-sejħa fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Illum jiena infurmat li Infrastructure Malta u d-Dipartiment tal-Kuntratti se jippubblikaw aktar dettalji fil-jiem li ġejjin,” qal il-Ministru. 

More in Politika