Delia: 'Irridu pajjiż fejn Muscat, Schembri u Mizzi jħossu l-ġustizzja m'għonqhom, mhux jitnejku bina'

Repubblika mhux ser issir partit u Manuel Delia jgħid li se tibqa' tiġġieled għall-verità u l-ġustizzja

Uħud minn dawk preżenti għall-protesta, inkluż id-Deputat Karol Aquilina
Uħud minn dawk preżenti għall-protesta, inkluż id-Deputat Karol Aquilina

Meta kien qed jitkellem illejla Manuel Delia sostna li Repubblika mhix ser issir partit politiku u qal li dawk li qed jgħidu dan, ma fehemu assolutament xejn u qed jaħsbu li din hija logħba. 

"Aħna rridu ngħixu f'Repubblika fejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi jħossu l-ġustizzja m'għonqhom, mhux jitnejku bina, jsiefru l'hawn u l'hemm", saħaq Delia waqt l-ewwel protesta organizzata minnu, Repubblika u Occupy Justice fl-2020

Lil dawk li qed jgħidu li Repubblika se ssir partit politku, Delia sostna li "għadkom ma fhimtu xejn, għadkom qed taħsbu li din tagħna logħba. Din mhux logħba, din ġlieda għal ruħ ta' Malta, għall-ġustizzja. M'għandux x'jaqsam min qiegħed fil-poter, imma li min qiegħed fil-poter jaħkem taħt, mhux fuq  il-liġi," sostna Delia. 

Dwar iċ-chairman tal-Valletta 18 li din il-ġimgħa spiċċa f'nofs kontroversja minħabba kummenti li għamel dwar Alexandra Alden, membru tal-ġurija fuq X Factor u kantanta llejla fil-protest, sostna illi  "Micallef imnejjek minn rasu sa saqajh. L-intimidazzjoni tiegħu, imma, hija serja ħafna mhux tad-daħk. Il-messaġġ tal-Gvern huwa biex l-artisti jisktu, ta' Gvern li kapaċi jgħaddi mill-paroli għall-fatti, kontra min jeħodha kontrih" wissa Delia.

"La Fearne u lanqas Abela ma jidhru disposti li jaqtgħulna l-għatx għall-ġustizzja," saħaq Delia.  "Il-partiti politiċi għadhom ma fehmux li aħna mhux qed nitolbu bil-ħniena għall-verità u l-ġustizzja, għadhom ma fehmux li aħna mhux se nkunu kuntenti b'li jitimgħuna fuq is-Super One!" reġa sostna. 

Wieħed mill-plakards fil-protesta
Wieħed mill-plakards fil-protesta

'Joseph Muscat itlaq għax qażżistna' - Vicky Ann Cremona

Inant Vicky Ann Cremona fakkret li l-ġimgħa d-dieħla l-pajjiż se jkollu Mexxej Laburista ġdid u Prim Ministru ġdid.  "Il-Maltin se jafdawlu f'idejh il-poter li jagħti lil pajjiżna direzzjoni għall-futur. Irid joħroġ lil pajjiżna mill-ħofra ta' korruzjoni u gideb li waqa' fih," sostniet Cremona.

Hija sostniet li trid lill-PM Joseph Muscat jitlaq kemm jista' jkun malajr. "Lil Muscat u l-korrotti tiegħu rridhom jitilqu minnufih, mhux biss mill-kariga imma wkoll mill-poter u mill-Parlament. 

"Joseph Muscat, itlaq issa għax xebbajtna u qażżistna," għajtet Cremona għall-approvazzjoni ta' dawk preżenti. 

Hi wkoll iċċarat li Repubblika m'għandha ebda intenzjoni li tkun partit politiku, imma saħqet illi Repubblika se tibqa' tiġġieled kontra l-korruzzjoni. 

"Il-PM il-ġdid għandu jkun jaf li aħna mhu se nieqfu qatt," sostniet Cremona. "Aħna m'għandna l-ebda intenzjoni li nċedu fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja."

Intant meta kienet qed tkellem lill-folla, Martina Farrugia sostniet illi Muscat ma kellux għalfejn jonfoq tant flus biex ikun jaf Egrant ta' min mhix, imma seta' staqsa lil Karl Cini, li fetaħha permezz ta'  Nexia BT, u kien ikun jaf ta' min hi.

"Il-ħsara qed jagħmilha min qed jisraq u joqtol mhux minn nies onesti. L-investituri ma jibżgħux minn nies onesti," sostniet Farrugia 

"Il-protesti mhux se jieqfu għax jinżel Joseph Muscat," qalet Farrugia li ħeġġet lill-Gvern biex ibiddel il-Kummissarju u jqaċċat lil kull min b'xi mod imdaħħal fil-korruzzjoni...l-imbarazz postu barra," saħqet iż-żagħżugħa.

More in Politika