Barra minn xtutna u madwarna. Dak li ġara fl-2019

Mir-rebħiet ta’ Bolsonaro u Boris san-nirien fl-Amażonja u aktar. L-2019 madwarna...

Jibda l-mandat tal-President Jair Bolsonaro fil-Brażil 

Fl-1 ta’ Jannar, Jair Bolsonaro, politiku mil-lemin estrem jibda l-mandat tiegħu bħala l-President tal-Brażil. Mill-1991 sal-2018, Bolsonaro kien membru fil-Kamra tad-Deputati Brażiljana, hemmhekk sar magħruf minħabba l-appoġġ tiegħu fuq il-konservattiżmu nazzjonali. 

Matul il-kampanja elettorali tiegħu, Bolsonaro tkellem fuq l-oppożizzjoni tiegħu lejn iż-żwieġ tal-istess sess, l-omosesswalità, l-abort, is-sekulariżmu u l-legalizzazzjoni tad-drogi.

Fl-ewwel sena tiegħu bħala President, daħal f’numru ta’ kontroversji fosthom kommemorazzjoni tal-kolp ta’ stat fl-1964. Dan ir-reġim militari dam fil poter 19-il sena u waqtu, inqatlu jew sparixxew 434 persuna, 20,000 persuna kienet ittorturata u madwar 4,800 rappreżentant kienu mneħħija mill-pożizzjoni tagħhom.

F’Awwissu, akkuża l-NGOs illi qabdu n-nirien tal-Amażonja, u akkuża lil Franza bi ħsieb kolonjalista meta din esiġiet li jeħtieġ ikun hemm azzjoni fuq in-nirien.

Lejn l-aħħar tax-xahar, madwar ġimgħa u nofs ilu, waqt li kien qed jistaqsih mistoqsija dwar skandlu tal-korruzzjoni li jinvolvi t-tifel tiegħu, għajjar lill-ġurnalist meta qal “tidher ħafna qisek omosesswali”.

ISIS tispiċċa wara li titlef l-aħħar biċċa art li kienet tikkontrolla fis-Sirja

Fit-23 ta’ Marzu, il-grupp terroristiku magħruf bħala ISIS, jew ISIL tilfet l-aħħar biċċa art li kienet qed tikkontrolla fil-Lvant Nofsani, dan seħħ wara gwerra twila sitt snin bejna u bejn il-Gvern Sirjan ta’ Assad appoġġjat mir-Russja, ir-ribelli kontra Assad appoġġjati mill-Istati Uniti, kif ukoll il-Kurdi appoġġjati mill-Istati Uniti wkoll.

Fis-sitt snin li kkontrollaw l-art, wettqet numru enormi ta’ atti terroristiċi, li fihom inqatlu madwar 2000 persuna. Fl-eqqel tal-poter tagħhom, huma ikkontrollaw madwar 45,377 kilometru kwadru. F’din l-art ikkontrollaw bliet bħal Mosul, Raqqa u Palmyra. F’dawn il-bliet storiċi, l-ISIS wettqet kampanja ta’ qerda ta’ siti flimkien ma’ qerda ta’ monumenti storiċi. 

Xahrejn ilu, fis-26 ta’ Ottubru, il-mexxej ta’ ISIS, Abu bakr Al-Baghdadi miet b’bomba ta’ suwiċidju ftit qabel ma qabduh suldati mill-forzi speċjali tal-Istati Uniti.

Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Bejn it-23 ta’ Mejju, u s-26 ta’ Mejju, il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea vvutaw għall-Membri Parlamentari Ewropej. Din l-elezzjoni kienet ikkontestata minn numru ta’ partiti, l-ikbar fosthom huma l-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi (PSE) u l-Alleanza Liberali u Demokratika Ewropea (ALDE). 

Barra minn hekk, kien previst li l-ALDE, flimkien mal-Ħodor u l-Partit Identità u Demokrazija (ID), kienu se jiksbu persentaġġ ikbar tal-vot. Fil-fatt, waqt li l-PSE u l-PPE tilfu 65 bejniethom, l-ALDE rebħu 39 siġġu, il-ħodor rebħu 22, u l-ID rebħu 37 siġġu.

Dan ir-riżultat fisser li din kienet l-ewwel darba li l-PPE u l-PSE ma kisbux maġġoranza mill-1979. Dan ukoll fisser li l-PPE u l-PSE ma setgħux jiffurmaw il-koalizzjoni tradizzjonali tagħhom. Barra minn hekk, din l-elezzjoni kellha l-ogħla perżentaġġ ta’ parteċipazzjoni mill-1994.

Ġimgħa wara, bejn l-1 u t-3 ta’ Lulju l-kapijiet tal-Istati Membri ltaqgħu biex jiftehmu fuq il-President tal-Kummissjoni l-ġdid. Minħabba l-grupp Visegard, li hu magħmul mill-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Polonja la Frans Timmermans, il-kap tal-PSE u lanqas Mafred Weber, il-kap tal-PPE ma setgħu jiksbu maġġoranza. Minħabba dan, il-kapijiet iddeċedew fuq Ursula Von Der Leyen. Din kienet approvata mill-gvernijiet barra l-Ġermanja, li astjeniet.

Is-16 ta’ Lulju, il-Parlament Ewropew ivvota biex japprova n-nominazzjoni tagħha.

In-nirien jaħkmu l-Amażonja

Avolja l-maġġoranza ta’ nies jaħsbu li n-nirien tal-Amażonja fil-Brażil saru biss f’Awwissu, infatti dawn in-nirien bdew f’Jannar, u għadhom għaddejjin s’issa, 12-il xahar wara.

Minkejja dan, in-nirien t’Awwissu huma l-iktar magħrufa madwar id-dinja, mhux biss minħabba r-ritratti u l-aħbarijiet madwarha, iżda wkoll il-fatt li n-nirien f’dan ix-xahar kienu l-agħar fl-aħħar 10 snin. 

Barra minn hekk, ir-reazzjoni u l-kummenti strambi tal-President Brażiljan, Jair Bolsonaro qajmu interess. Bolsonaro, hu nazzjonalist konservattiv u l-opinjoni tiegħu fuq l-Amażonja u l-Brażiljani nattivi huma ta’ inkwiet għal bosta. 

Eżemju ċar ta’ dan hu meta mexxa r-responsabbiltà tar-regolament tal-artijiet nattivi mid-Dipartiment tal-Affari Nattivi taħt il-Ministru tal-Agrikultura.

Barra minn hekk, dwar in-nirien tal-Amażonja kien qal li “l-Amażonja tappartjeni lill-Brażil” meta numru ta’ mexxejja kienu qalu li l-Amażonja kellha tkun protetta għax kienet tad-dinja kollha. 

Bolsonaro kien ukoll akkuża lill-attur Leonardo Di Caprio illi kien ta flus lil NGOs biex iqabbdu nirien fl-Amażonja. Madankollu, ġimgħa biss qabel, waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti kien qal li l-midja u l-president Franċiż Macron kienu qed jesaġeraw dwar id-daqs tan-nirien.

Jiġi elett Boris

It-13 ta’ Novembru, u l-partit ta’ Boris Johnson, il-Konservattivi jispiċċa bħala l-ikbar partit fil-Parlament wara l-elezzjoni, b’maġġoranza ta’ 80 siġġu, l-ikbar maġġoranza li qatt rebħu minn l-1987, meta dak iż-żmien il-Konservattivi kienu mmexxijin minn Margaret Thatcher.

Din l-elezzjoni, b’kuntrast ma’ elezzjonijiet oħrajn, kienet iffukata fuq suġġett wieħed: Brexit. L-imblokk ta’ Brexit, li sa din l-elezzjoni kien ilu għaddej tliet snin, kien ikkawża rabja sinifikanti fost l-parti tal-poplu li kien favur li r-Renju Unit titlaq mill-UE.

Kien dan, flimkien mal-perċezzjoni li l-Partit Laburista ma riedx jieħu pożizzjoni fuq Brexit, li wassal għal dan ir-riżultat. Minkejja dan, fl-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq is-sitwazzjoni kienet ferm differenti.

Fl-Iskozja,  l-SNP, partit Skoċċiż liberali li jrid l-indipendenza għall-Iskozja rebaħ 48 mill-59 siġġu Skoċċiż. Fl-Irlanda ta’ Fuq, il-partiti Nazzjonalisti rebħu l-maġġoranza ta’ siġġijiet Irlandiżi għall-ewwel darba.

Allura, waqt li Boris Johnson qed jifraħ bil-maġġoranza tiegħu, li biha rebaħ vot biex il-Parlament japprova l-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE, issa se jkollu problema ġdida, is-separatiżmu.

L-impeachment ta’ Trump 

Wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ipprova jhedded lill-Ukranja biex tagħtih informazzjoni fuq Hunter Biden, it-tifel tal-eks Viċi president Joe Biden, Nancy Pelosi, il-Kelliema tal-Kamra tar-Rappreżentanti tgħid li se jibda l-proċess tal-impeachment kontra Trump.

Dan il-proċess beda fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru. Bih, l-investigaturi fil-Kamra jibdew jinvestigaw l-allegazzjonijiet, bil-mod il-mod, informazzjoni tibda toħroġ dwar dan il-każ, u kif il-President uża l-poter tiegħu biex iġiegħel numru ta’ nies, fosthom l-avukat tiegħu Rudy Guiliani u Gordon Sondland, biex isibu u jikxfu informazzjoni dwar Biden. Sondland kien negozjant li ta $1,000,000 dollaru lill-kampanja elettorali ta’ Trump, u wara l-elezzjoni ħa l-pożizzjoni ta’ ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-UE.

F’Diċembru, il-Kamra ddeċediet fuq żewġ artikoli ta’ impeachment, li kienu l-abbuż ta’ poter, u ostaklu għall-ġustizzja. Wara dibattitu twil, dawn iż-żewġ artikoli għaddew mill-Kamra fit-18 ta’ Diċembru. Dan fisser li Trump kien it-tielet President fl-istorja tal-Istati Uniti li kien impeached. Minn hawnhekk, il-vot imur għas-Senat, li se jivvota fuqu s-sena d-dieħla, l-2020.

Tingħata s-sentenza lill-qattiela ta’ Jamal Khashoggi 

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, tmien persuni mill-ħdax-il persuna li kienu akkużati bil-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi mill-Għarabja Sawdija, kienu ngħataw is-sentenza. Jamal Khashoggi kien ġurnalist mal-gazzetta Amerikana The Washington Post, kif ukoll dissident kontra l-Gvern tal-Għarabja Sawdita. 

Fit-2 ta’ Ottubru tal-2018, Khashoggi daħal fil-konsulat tal-Għarabja Sawdita f’Istanbul għal numru ta’ dokumenti, iżda qatt ma reġa’ ħareġ mill-bini. Għall-ewwel, il-Gvern tal-Għarabja Sawdita qal li Khashoggi kien telaq mill-konsulat, iżda wara ġimagħtejn, il-Gvern Tork sab evidenza li Khashoggi kien inqatel, u li esperti forensiċi bagħbsu l-evidenza.

F’Novembru 2018, is-CIA kkonkludiet li l-prinċep Mohammad bin Salman, li hu wkoll il-Prim Ministu, kien ordna l-assassinju. Dan kien miċħud mill-prinċep kif ukoll mill-Gvern tal-Għarabja Sawdita. Minkejja dan, 10 xhur wara, f’Settembru tal-2019, il-Prinċep bin Salman qal li kien ħassu responsabbli għall-qtil ta’ Khashoggi għax kien sar taħtu, iżda xorta ċaħad li kellu involviment fil-qtil.

Nimxu ’l quddiem xahrejn għall-aħħar ġimgħa sħiħa tas-sena. Nhar it-Tnjen li għadda, Qorti tal-Għarabja Sawdita kkundannat ħames irġiel għall-mewt. Barra minn hekk, ikkundannat tliet irġiel oħra għal 24 sena ħabs, filwaqt li tliet irġiel oħra, fosthom id-deputat tal-kap tal-intelliġenza Ahmed al-Assiri, kif ukoll l-amministatur tal-midja tal-familja rjali Saud al-Qahtani nħelsu.

Skont il-Qorti, dawn inħelsu minħabba li ma kienx hemm biżżejjed evidenza.

More in Politika