L-2019 għaddiet: Il-fortuni politiċi ta' bosta matul din is-sena. Min għola u min instabat

Għal min kienet tajba u għal min ma kinitx u għal min bdiet eċċezzjonali u spiċċat ħażin ħafna. Imbagħad hemm dawk li qatt ma rkupraw...l-2019 fil-politika lokali

Keith Schembri

L-akbar daqqa fl-2019 ħadha Keith Schembri. Schembri mar mill-aktar persuna b’saħħitha f’Kastilja għal wieħed li kellu jwaqqaf it-tessera u kien diżonorat,  implikat fi qtil ta’ ġurnalista, redikolat għax qal li tilef il-mobile, mgħajjar traditur u appoġġjat biss (fid-deher għall-inqas) minn Neville Gafà, persuna oħra mdawra b’ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba dwar mawriet fil-Libja.

Il-futur ta’ Schembri huwa bil-wisq aktar imċajpar mill-preżent u b’ismu jissemma kważi kuljum fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia u f’inkjesta pubblika dwar l-istess assassinju, għadna ma nafux liema qiegħ jista’ jmiss jew jekk jirnexxilux b’xi mod jerġa’ jibni l-karriera politika spiċċuta tiegħu.

Mons. Mario Grech 

L-Isqof ta’ Għawdex; maħbub u bla kantunieri, xi ftit pompuż imma umli fi kliemu. Din kienet sena tajba għalih hekk kif il-Papa Franġisku ħatru pro-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

L-Isqof ta’ 62 sena ilu jmexxi d-djoċesi Għawdxija mill-2005 u kien it-tmien Isqof ta’ Għawdex. Il-predeċessur tiegħu kien l-Isqof Nikol Cauchi.

George Vella

Vella żgur li tela’ matul l-2019 hekk kif inħatar President tar-Repubblika, l-ogħla kariga kostituzzjonali.  Mill-ewwel, fl-ewwel mumenti tal-Presidenza wera illi mal-prinċipji tiegħu m’hemmx logħob. Vella għamilha ċara li hu ma jiffirmax liġijiet li jillegalizzaw l-abort u jippreferi jirriżenja milli jiffirma liġi simili.

George Vella kien Deputat Mexxej Laburista li fforma trijumverat flimkien ma’ Alfred Sant u George Abela, li rebaħ l-elezzjoni tal-1996 kontra kull mistenni.

Vella kien Ministru tal-Affarijiet Barranin ukoll bejn l-1996 u l-1998 u reġa’ okkupa din il-kariga meta kien elett mill-ġdid il-Partit Laburista fl-2013.

Il-President George Vella
Il-President George Vella

Adreina Fenech Farrugia

L-eks Direttur tas-Sajd bdiet is-sena b’mod ħażin hekk kif kellha tirriżenja diżonorata b’akkużi serji kontriha.

Telefonati kienu jindikaw li Fenech Farrugia kienet titlob għal flus biex tuża l-influwenza tagħha u tirregolarizza dawk li jaqbdu tonn aktar mill-kwota.

Fin-nofs ta’ dan l-iskandlu hija l-kumpanija Mare Blu, tal-Ispanjol Josè Fuentes. Jirriżulta illi seta’ kien hemm relazzjoni intima bejn Fenech Farrugia u Fuentes.

Messaġġ juri lil Fenech Farrugia tgħidlu li kienet qiegħda l-Bulgarija u trid il-flus għaliex kellha laqgħa u kienet mad-direttur ġenerali ta’ Brussell.

Ma kienx hemm aktar żviluppi maġġuri f’dan il-każ.

Andreina Fenech Farrugia
Andreina Fenech Farrugia

Maria Efimova

Maria Efimova dejjem kienet xi naqra dogmatika u misterjuża. Domna ħafna ma sirna nafu min hi u ma rajna wiċċha.

Imma din is-sena mhux talli sirna nafuha u rajna wiċċha talli rajna x-xhieda kollha tagħha lill-Maġistrat, issa mħallef, Aaron Bugeja u sirna nafu li dan qed jappella biex din tkun arrestata u akkużata b’ġurament falz u kalunja.

Minkejja li kulħadd jemmen li jrid fuq Egrant, il-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta ma tantx huma favorevoli għall-eks impjegata tal-Bank Pilatus.

Il-futur ta’ Efimova jaf ikun ħafna affarijiet, possibilità hija fl-iżbarra fil-Qorti Maltija tiffaċċja l-arrest li qed jappella li jsir Bugeja.

Steve Zammit Lupi

Steve Zammit Lupi, attivist, ambjentalist u żagħżugħ li ħadem fil-midja definittivament li għamel passi kbar ’il fuq.

Minkejja li kienet l-ewwel elezzjoni tiegħu, ikkampanja fuq kwistjonijiet li ħafna jqisu bħala sekondarji meta jivvutaw (ambjent, tniġġis), minkejja li ma kienx appoġġjat minn partit u allura mingħajr ir-riżorsa meħtieġa u minkejja li ma kellux l-esperjenza fil-politika xorta rnexxielu jikseb ftit aktar minn 12% tal-voti f’Ħaż-Żebbuġ.

Zammit Lupi ħareġ bħala kandidat indipendenti u kiseb 947 vot fl-ewwel għadd, iktar minn kull kandidat Nazzjonalista u t-tielet l-aktar kandidat Żebbuġi li kiseb voti.

Konrad Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi jibqa’ ass daqs kemm jibqa’ telf għall-Partit Laburista. Huwa Ministru li ġeneralment wettaq u ħalla riżultati speċjalment fl-Enemalta u l-Air Malta kif ukoll fit-turiżmu, permezz ta’ rekords.

Minkejja dan iżda fuq il-platt ta’ Mizzi issa hemm il-proġett tal-power station li potenzjament jista’ jkun l-aktar proġett politikament tossiku fl-istorja moderna, jekk eks Direttur tal-istess power station (Yorgen Fenech) jinstab ħati illi qatel lil Daphne Caruana Galizia.

Din is-sena ma kinitx tajba għal Mizzi minħabba l-iżviluppi politiċi fl-aħħar xahar, ir-riżenja tiegħu minn Ministru u l-qrubija perċeputa jew reali tiegħu ma’ Keith Schembri. Konrad Mizzi, flimkien ma’ Schembri, kienu fetħu kumpanija fil-Panama, definittivament l-għerq tal-għawġ kollu li fih jinsab il-Gvern u l-Partit Laburista llum.

Biex tgħaxxaq, kemm Chris Fearne kif ukoll Robert Abela, it-tnejn eskludew lil Mizzi mill-kabinett tagħhom.

Il-Ministru Konrad Mizzi, intervistat mill-gazzetta ILLUM | Ritratt: James Bianchi
Il-Ministru Konrad Mizzi, intervistat mill-gazzetta ILLUM | Ritratt: James Bianchi

David Casa

Eroj għal ħafna u traditur ta’ pajjiżna u xewwiex għal ħafna oħrajn. Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalist David Casa ma jistax jgħid li kellu sena ħażina, anzi!

Kontra dak li stennew (u forsi xtaqu) bosta fil-PN u lil hinn minnu Casa qala’ lil Frank Psaila biex assigura illi ż-żewġ MEPs tal-PN li l-aktar illi jaqilgħu kritika mil-Labour, jibqgħu f’posthom.

Casa kiseb 20,493 vot filwaqt li Psaila kiseb 13,519-il vot.

Casa reġa’ kien elett minkejja akkużi wkoll ta’ użu qawwi tad-droga kokaina li allegatament kien qed jaffettwa l-ħidma tiegħu.

David Casa
David Casa

Louis Galea

Eks Ministru f’uħud mill-aqwa Gvernijiet Nazzjonalisti meta l-Partit Nazzjonalista rebaħ prattikament l-elezzjonijiet kollha mill-1981 sal-2008, meta mbagħad ma kienx ġie elett.

Kien Segretarju Ġenerali meta l-PN inbidel minn partit tal-klassi għolja u iktar esklussiv għal partit bil-wisq akbar u li fih issa kien hemm ukoll ħafna ħaddiema. L-awtur tal-ktieb illi fuqu tfasslet il-politika Nazzjonalista tad-90ijiet, Fehmiet Bażiċi.

Fl-2019 reġa’ daħal fix-xena hekk kif kien inkarigat biex imexxi riforma fil-PN, wara telfa kbira ħafna fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju. Il-kariga mogħtija lil Galea kienet milqugħa minn kulħadd fil-PN. Galea saħansitra beda jissemma bħala Kap Interim xi ħaġa li hu qal li ma jridx.

Minkejja appoġġ biex jieħu l-partit f’idejh sakemm jinstab Kap ġdid, Galea qatel dawn id-diċeriji f’diversi intervisti inkluż ma’ din il-gazzetta fejn qal li m’għandu ebda ambizzjonijiet simili.

Louis Galea ma' Adrian Delia
Louis Galea ma' Adrian Delia

 

Bjorn Vassallo

Din is-sena fil-pajjiż kien hawn elezzjoni oħra jiġifieri dik għat-tmexxija tal-MFA.

Il-gazzetta ILLUM kienet fuq quddiem fir-rappurtaġġ ta’ din l-elezzjoni li tat riżultat favur Bjorn Vassallo. Hu kiseb 83 vot kontra l-54 ta’ Chris Bonnett.

Bjorn Vassallo, President tal-MFA
Bjorn Vassallo, President tal-MFA

Sandro Chetcuti

Sandro Chetcuti reġa’ kellu sena li matulha ffaċċja ħafna u ħafna kritika. L-ewwel nofs tas-sena kienet ikkaratterizzata minn inċidenti serji ta’ binjiet li jmissu ma’ siti ta’ kostruzzjoni jaqgħu u f’każ minnhom tinqabad persuna. Dawn l-inċidenti wasslu għal mewġa ta’ kritika, rabja u anke protesta.

Naturalment Sandro Chetcuti li jmexxi l-Malta Developers’ Association (MDA), spiċċa fil-mira ta’ ħafna mill-kritika. Ħafna jwaħħlu fih għall-qerda ambjentali, sens ta’ diżrispett lejn il-ġirien u għall-fatt li huwa wisq qrib tal-poter.

Minkejja dan, naturalment, il-kuntratturi huma kuntenti ħafna bih tant li jriduh jibqa’ jmexxi l-MDA.

Miriam Dalli

L-iktar MEP popolari li qatt kellu l-Partit Laburista għax hija l-aktar MEP li qatt kisbet voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewopew minn dan il-partit, iktar minn Joseph Muscat. Minkejja dan, Dalli għalqet is-sena b’diżappunt hekk kif ma tefgħetx isimha għat-tmexxija tal-partit u jista’ jkun li tilfet kull ċans li tkun Prim Ministru għad-deċenju li ġej jew aktar.

Fl-2019 fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dalli kisbet 63,438 vot.

Il-fatt li Dalli ma ħarġitx jista’ jkun li jfisser li l-Partit Laburista tilef l-opportunità storika li jkollu l-ewwel Prim Ministru mara.

Miriam Dalli
Miriam Dalli

Adrian Delia

Kap Nazzjonalista li għamel titjib fl-aħħar sena imma li kien sfidat mhux darba u li sofra l-akbar telfiet u l-aktar telfiet umiljanti li qatt tilef il-Partit Nazzjonalista.

Fil-fatt l-2019 bdiet b’Delia jkun saħansitra sfidat fi ħdan il-partit tiegħu stess b’Delia jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu. Delia rebaħ dan il-vot b’67.5%  tal-voti tal-Kunsilliera favurih u 32.5% kontra.

L-inkwiet kiber meta l-PN tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’rekord elettorali fl-istorja politika moderna (mill-gwerra lil hawn). Il-Partit Laburista rebaħ b’maġġoranza ta’ 42,656 vot u tella’ erbgħa minn sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew f’isem Malta.

Agħar minn hekk il-PN sofra telfiet serji fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-PN reġa’ tilef il-maġġoranzi: fil-Mosta, Birkirkara, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imsida, Tal-Pietà u San Ġwann. Imma mbagħad tilef ukoll għall-ewwel darba s-Siġġiewi u l-Belt Valletta, rebħa pjuttost simbolika.

Delia ġie sfidat diversi drabi u m’hemmx dubju illi malli l-affarijiet jikkalmaw fil-Partit Laburista l-attenzjoni se terġa’ ddur fuqu.

Adrian Delia
Adrian Delia

Joseph Muscat

Għal Muscat din kienet sena ta’ rekords u sena ta’ kriżijiet. Definittivament iżda li l-2019 se tagħlaq b’togħma morra ħafna għal Muscat u għal eluf ta’ Laburisti.

Minkejja li sa issa m’hemm ebda implikazzjoni li torbot lill-Prim Ministru mal-assassinju ta’ Caruana Galizia, il-qrubija li Yorgen Fenech kellu ma’ Keith Schembri, l-implikazzjonijiet li qed joħorġu fuq Schembri nnifsu, il-fatt li Melvin Theuma ngħata tour ta’ Kastilja qabel ingħata impjieg mal-Gvern u l-fatt illi eks membru tas-sigurtà personali ta’ Muscat (sal-elezzjoni tal-2017) issemma bħala l-persuna li kellu laqgħat ma’ Melvin Theuma u li kien qed ikellem lill-aħwa Degiorgio u lill-Koħħu, ipoġġi dan il-qtil fuq ħoġor Kastilja u allura Muscat.

Biex tgħaxxaq, matul il-ġimgħa komplew ħerġin aktar stejjer dwar rigali li Fenech ta lil Muscat (li minn tant postijiet Dubaj mar vaganza!)

Minkejja li fl-2019 Muscat wettaq rebħa elettorali storika li poġġietu fuq l-ogħla pedestall kienet ukoll is-sena li kilitlu u kissritlu fi żmien tant qasir l-awtorità morali u politika, il-kredibbilità kif ukoll tefgħet taħt sħaba sewda faħma, il-legat tiegħu.

Definittivament li l-2019 se tibqa’ titfakkar bħala l-annus horribilis ta’ Muscat.

Il-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Pulizija din is-sena bdew isolvu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li hija rebħa kbira.

Sfortunatament mhux kbira biżżejjed biex tagħmel tajjeb għal ħafna każi li ma nafux itteħdux passi fuqhom, fosthom il-VGH u anke rapporti tal-FIAU fil-konfront ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u anke Adrian Delia. 

Dan apparti n-nuqqas gravi ta’ komunikattiva.

Biex tgħaxxaq, ftit wara li tefgħu n-nomina, kemm Robert Abela u speċjalment Chris Fearne indikaw li Lawrence Cutajar ma jibqax Kummissarju.

Fil-każ ta’ Fearne dan qed iwiegħed li Kummissarju jinħatar biż-żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari.

Helena Dalli

Waħda mill-aktar nies li raw promozzjonijiet  prestiġjużi matul din is-sena hija Helena Dalli, eks Ministru tal-Ugwaljanza u Affraijiet Ewropej li mexxiet id-dħul tal-unjoni ċivili inkluż għal persuni tal-istess sess, il-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru u l-Liġi taż-żwieġ ugwali.

Mis-suċċessi lokali l-Gvern għażel lil Helena Dalli biex tkun Kummisarju Ewropew f’isem pajjiżna.

Il-grilling ta’ Dalli fil-Parlament Ewropew kien suċċess. Kienet ippreparata, ċara u diretta kif ukoll effiċjenti fil-mod kif wasslet il-messaġġ tagħha.

Helena Dalli, waqt il-grilling
Helena Dalli, waqt il-grilling

Alfred Zammit

Kienet rebħa storika imma wkoll simbolika dik illi l-Partit Laburista rebaħ il-Belt Valletta, il-Belt Kapitali Maltija illi fiha matul is-snin iċ-ċaqlieq fil-voti kien xi ftit jew wisq minimu u fejn il-PN kellu kważi maġġoranza naturali.

Il-Belt Valletta hija wkoll il-belt ta’ Ġorġ Borg Olivier, fejn għad hemm tgħix parti mill-familja, ta’ Austin Gatt u ta’ Lawrence Gonzi.

Matul l-2019, il-Partit Laburista kiseb 1,884 vot fil-Belt Valletta, kiseb 53% tal-voti u Alfred Zammit kiteb l-istorja politika bħala l-ewwel Sindku Laburista Belti.

 

More in Politika