Analiżi | Rapport ġeneralment pożittiv b’viżjoni ta’ gvern ‘iżgħar’. Imma dan kollu ħolm fl-arja?

Il-PN jippubblika dokument b’numru ta’ proposti. Fil-fatt dan huwa l-ewwel rapport li qed ikun dirett, avventuruż u ċar fil-proposti li jagħmel kuntrarjament għal bosta qablu li ntilfu fil-paroli u d-diplomazija. L-ILLUM tagħti ħarsa u tevalwa jekk hux dan hux paroli fl-arja...

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika diversi rapporti f’dawn l-aħħar snin, imma forsi dak ippubblikat u approvat mill-Kunsill Ġenerali tal-PN nhar Jum ir-Repubblika huwa wieħed mill-aħjar li fil-fatt qatt ħareġ.

Ir-rapport bl-isem ‘Riforma u Tiġdid  - Governanza Tajba għal Demokrazija b’Saħħitha’ huwa ftit arja friska, għaliex kuntrarjament għal ħafna mir-rapporti preċedenti, minflok ċentimetri ta’ paroli hemm numru sabiħ ta’ proposti, uħud minnhom li diġà tressqu quddiem il-mejda mill-Oppożizzjoni u oħrajn ġodda. Uħud huma ċari u diretti, filwaqt li oħrajn huma vagi u mhux spjegati.

Il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa u tanalizza fil-qosor dawn il-proposti u anke messaġġi li saru fl-istess dokument.

 

‘Nitolbu maħfra’

Minkejja li mhix proposta, punt fejn il-PN joħroġ b’saħħtu huwa meta fl-introduzzjoni ta’ dan id-dokument jitlob skuża u jirrikonoxxi li l-kritika tiegħu ma tneħħi xejn mill-fatt li anke Gvern Nazzjonalista għamel żbalji.

Dan kien punt tat-tluq b’saħħtu ħafna għal Joseph Muscat ukoll, meta talab skuża għal uħud mill-iżbalji li saru minn Gvernijiet Laburisti passati.

Għalkemm donnu l-PN dam biex jagħmel dan is-sentiment wieħed uffiċjali, xorta jgħin biex il-PN jinża’ din il-perċezzjoni li nbniet madwaru illi huwa partit li jħossu superjuri u li jaħseb li għandu dritt divin jiggverna.

Issa wieħed jeħtieġ iħalli ż-żmien jurina jekk din l-apoloġija hijiex ġenwina jew hijiex biss għodda biex il-PN jerġa’ jkun fil-Gvern, għaliex jaħseb li għandu dan id-dritt divin.

Minkejja kollox il-partit ma jagħmilx ħażin li jirrepeti kemm jista’ jkun drabi u f’kemm jista’ jkun okkażjonijiet il-kliem ta’ apoloġija. Rispett u voti jista’ jattira lejh, speċjalment u issa kkumparat ma’ nies fil-Gvern illi l-perċezzjoni ħażina dwarhom qed tikber sew iżda li huma bil-wisq ’il bogħod mis-sentiment ta’ rimors.

Id-dokument tal-PN jgħid hekk: “Il-PN jagħmilha ċara li mhux qed jagħmel dawn il-mistoqsijiet minn xi pożizzjoni ta’ xi ħadd li ma jagħrafx id-dnubiet u n-nuqqasijiet tiegħu. Għall-kuntrarju qed jibda din ir-riflessjoni b’ammissjoni li biċċa mill-ħtija tal-kriżi jrid jerfagħha l-PN.”

“Għal dan kollu f’isem dak kollu li jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra nitolbu maħfra u skuża.”

L-eks PM Lawrence Gonzi, imexxi l-aħħar Gvern Nazzjonalista
L-eks PM Lawrence Gonzi, imexxi l-aħħar Gvern Nazzjonalista

 

President taż-żewġ terzi – Probabbilment Eddie ma kienx isir President

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta Repubblika l-President ikun elett biż-żewġ terzi tal-Parlament Malti.

Dan jagħti kunsens iktar wiesa’ lill-President tar-Repubblika u jpoġġih ’il fuq minn dubji u dellijiet partiġġjani.

Minkejja dan, ħafna mill-Presidenti tar-Repubblika dejjem kellhom ir-rispett, għalkemm kien hemm uħud illi kieku din il-prattika li qed jipproponi l-PN kienet fis-seħħ ma kinux jinħatru.

Ironikament, l-aktar persuna li probabbilment ma kinitx tingħata l-appoġġ taż-żewġ terzi huwa l-President Emeritus Eddie Fenech Adami.

Dan kien iffaċċja oppożizzjoni mhux biss mill-Partit Laburista u l-Laburisti li qatt ma kellhom xi wisq imħabba lejh imma wkoll minn numru ta’ Nazzjonalisti.  L-akbar problema kienet li Fenech Adami nħatar President ftit biss wara li rriżenja minn Prim Ministru u allura kien għadu wisq diviżiv f’dak il-punt biex jidħol f’kariga li tesiġi għaqda u rikonċiljazzjoni.

 

Ġudikatura wkoll b’żewġ terzi u aktar ...

Intant anke fil-ġudikatura l-PN qed jipproponi li dawn jitpoġġew f’posthom permezz tal-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Bħalissa l-appuntamenti fil-ġudikatura għadhom isiru mill-Gvern u huma prerogattiva tal-Prim Ministru, sistema li ilha titħaddem sew u li tiddependi fuq ir-rieda tajba tal-politiċi, u allura r-rieda li ma jużawx il-ġudikatura għal fini politiċi u partiġġjani tagħhom.

Sistema bħalm’hu qed jippropni l-PN tassigura illi l-ħatriet tal-ġudikatura ma jibqgħux jiddependu fuq din “ir-rieda tajba” imma jkunu eletti b’żewġ terzi tal-Parlament, apparti li qed ikun propost ukoll li jsir Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti. Dan ikun magħmul minn rappreżentant tal-Kamra tal-Avukati, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju tal-Istandards.

 

Il-Qorti
Il-Qorti

Daqshekk Deputati fuq bordijiet u awtoritajiet tal-Gvern

Forsi l-aqwa proposta li qed jagħmel il-PN hija dik li filfatt tkellem dwarha l-Kummissarju tal-istandards George Hyzler ftit qabel qam dan il-pandemonju politiku.  Hyzler kien sostna, u din il-gazzetta qablet miegħu editorjalment, illi meta l-backbench jitpoġġa fuq bordijiet tal-Gvern ikun qiegħed jidistabbilizza l-irwol tad-deputat, speċjament tal-backbench, li jinsab hemm biex iżomm lill-Gvern u lill-entitajiet f’bilanċ. Hyzler, ġustament, jistaqsi kif Deputat jista’ jżomm dan il-bilanċ meta id il-Gvern qed titimgħu u jiddependi fuq il-Gvern għad-dħul tiegħu.

Il-PN adotta din il-proposta.

Apparti dan il-PN qed jipproponi wkoll li jaqla’ r-rappreżentanti tiegħu u tal-Partit Laburista mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar u anke mill-Awtorità tal-Artijiet.

Jekk titħaddem b’onestà u ma ngħaddux mit-tieqa billi jiddaħħlu nies li huma kkontrollati minn partit minn wara l-kwinti, din tista’ tkun proposta pożittiva u li tibda taqta’ l-qrubija żejda bejn il-politiku u l-ippjanar.

Il-PN qed jappella wkoll biex id-Deputati jsiru full time. proposta oħra tajba li iżda wieħed jeħtieġ jara kif se taħdem bid-Deputati preżenti u kemm fil-fatt id-Deputati jkunu lesti jagħmlu dan u għal-liema prezz lesti jagħmluh.

Din il-proposta jeħtieġ tkun mlaħħma wkoll biex wieħed jara r-reazzjoni tan-nies għall-pakkett finanzjarju li se jkun offrut lilhom.

Manuel Mallia jmexxi l-OHSA
Manuel Mallia jmexxi l-OHSA

 

L-assi tan-nisa u rġiel tal-Ministri b’kollox

Proposta interessanti li jaf tqajjem diskussjoni u anke reżistenza hija dik li permezz tagħha anke nisa jew irġiel tal-Ministri jeħtieġ jiddikkjaraw l-assi tagħhom.

Ir-raġuni wara din il-proposta hija li jista’ jkun illi l-Ministri jaħbu ċerti assi li ma jridux illi jidhru jitpoġġew fuq mart il-Ministru. Din il-proposta hija probabbilment frott il-kwistjoni Egrant u n-narrattiva li Muscat poġġa l-kumpanija Egrant fuq isem martu apposta.

Fil-verità din il-proposta mhux neċessarjament tilħaq l-għan tagħha għaliex politku li jrid jaħbijista’ jitfa’ kumpaniji jew assi fuq isem ħabib, aħwa jew nies oħrajn li jistgħu jafdaw.

Apparti minn hekk, hemm kwistjoni iktar personali. Mhux neċessarjament kull raġel/mara ta’ Ministru xtaqu li jkunu fil-pożizzjoni li qegħdin fiha jew inkella jippreferu li jibqgħu persuni privati. Din tista’ toħloq ukoll problemi allura fis-sens illi dawn iħossu li qed tintmess xi ftit din il-privatezza u l-anonimità, li sa issa ħafna minnhom għexu fiha, ladarba din tidħol fis-seħħ.

Minkejja li hija proposta tajba, wieħed jeħtieġ jara kif din se taħdem biex isservi l-għan tagħha u mhux tispiċċa tnaffar lin-nies mill-politika.

 

Avukat Ġenerali u anke Chairman tal-Awtorità tax-Xandir – biż-żewġ terzi

Il-PN qed jipproponi illi anke l-Avukat Ġenerali jinħatar biż-żewġ terzi, għar-raġunijiet li semmejna taħt suġġetti oħrajn u fid-dawl ukoll ta’ kritika kontinwa tal-PN lejn Peter Grech, l-Avukat Ġenerali kurrenti.

Il-PN qed jitlob li l-istess isir fil-każ taċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir.

Il-problema mhijiex il-proposti nfushom, imma jekk wara kollox il-partitarji Nazzjonalisti u Gvern Nazzjonalista propsettiv humiex lesti illi jerħu tant poteri minn taħt idejhom u jerġgħu jagħmlu  proċess ta’ diċentralizzazzjoni.

 

Finanzjament mill-istat...

Intant, proposta interessanti ħafna tal-PN hija dik illi fiha qed jgħid li finanzjament permezz ta’ donazzjonjijiet għandu jsir illegali.

Minflok il-PN qed jipproponi li jkun l-istat, mit-taxxi jiġifieri, illi jiffinanzja lill-partiti.

Din għandha t-tajjeb u l-ħażin.

Il-ħażin huwa li ħafna nies, speċjalment f’pajjiż polarizzat bħal Malta,  mhux se jkunu jridu jgħaddu flushom lill-partiti in ġenerali, filwaqt li ħafna oħrajn mhux se jaċċettaw li parti mit-taxxi tagħhom qed imorru għand dak il-partit li huma tant ma jarawx għajn m’għajn miegħu.

Wieħed irid jara wkoll ‘donazzjoni’ xi nfissru biha. Jekk inti għandek kumpanija tad-dawl u stageing – tista’ taċċetta li tagħti xogħol b’xejn minn jeddek lil partit? Jekk inti, għall-grazzja tal-argument, dejjem ivvutajt lill-Alternattiva Demokratika u dan il-partit m’għandux finanzi u min jeddek tagħti s-servizz tad-dawl u stageing b’xejn, tkun qed tagħmel xi ħaġa illegali? Il-liġi tgħid li iva dawn donazzjonijiet u allura iva tkun qed tikser il-liġi.

U allura wieħed jeħtieġ iżomm dan f’moħħu u kif dan se jaffettwa, speċjalment partiti żġħar.

It-tajjeb tagħha bla dubju huwa li jaqta’ għalkollox iċ-ċans ta’ abbuż.  Jekk nużaw l-istess eżempju li użajna tad-dawl u stageing, il-“pjaċir” li se tkun qed tagħmel lill-AD, probabbilment se tistenna illi jintraddu lura jekk u meta jkun hemm bżonn.

Tajba allura biex dan ikun kompletament eliminat u allura eliminata l-possibilità li d-donazzjonijiet jingħataw b’sens ta’ obbligu, fis-sens illi persuna tistenna xi ħaġa lura għal dak li tkun tat.

Tajba wkoll għaliex biha ma nkunux qed nivvintaw ir-rota u diġà qed titħaddem f’pajjiżi oħrajn fejn partit jingħata flus daqs kemm ġab voti.

Fil-każ ta’ Malta bħalissa l-Parit Laburista jieħu ħafna iktar mill-PN, minħabba differenza kbira fil-voti.

 

Skemi oħrajn ta’ ċittadinanza...liema?

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel wegħda interessanti li hija wkoll xi ftit inqas riġida minn ta’ qabel. U dan dwar iċ-ċittadinanza.

Il-PN jgħid illi b’mod immedjat l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, xi ħaġa li ilu jgħid issa.

Minkejja dan iżda l-PN qed jipproponi li “jiġu kkunsidrati skemi oħrajn ta’ investiment ġenwin li iżda ma jiżvalutawx iċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.”

Il-PN iżda ma jkomplix jispjega x’qed jipproponi.

 

Ix-xandir u stazzjonijiet tal-partiti

Proposta pjuttost radikali, għalkemm mhix oriġinali, hija dik illi l-partiti politiċi ma jkollhomx bżonn l-istazzjonijiet tagħhom għax il-PBS ikun biżżejjed. Imma kif nistgħu naslu għal dan?

Il-PN qed jgħid illi apparti li ċ-Chairman jinħatar b’żewġ terzi tal-Parlament, anke l-panel ta’ esperti ta’ din l-awtorità jkunu maħturin bl-istess mod.

Il-PN qed jipproponi wkoll li jkun hemm spazju ddedikat għal xandir minn partiti politiċi u msieħba soċjali. Il-proposta, f’dinja ideali, hija pożittiva. Imma wieħed irid jara kif verament se jkun assigurat li l-istazzjon nazzjonali jsir verament minjiera ta’ informazzjoni, diskussjoni u analiżi politika u titlaq mill-aħbarijiet ibbażati fuq rappurtaġġ.

Li l-Gvern jitlaq minn taħt idejh ix-xandir nazzjonali li f’termini ta’ politika minn dejjem kien qishom ONE jew NET, skont min hemm fil-Gvern taf tkun problema kbira, speċjalment proposta li ma tinżilx tajjeb wisq mal-attivisti.

Il-ġurnaliżmu verament indipendenti llum huwa apprezzat daqs qatt qabel, iżda xorta għad m’hemmx biżżejjed apprezzament.  Dan ifisser li bosta jistgħu jaraw xandir nazzjonali ħieles u analitiku bħala theddida għall-interessi sterettament partiġġjani tagħhom.

More in Politika